22 ta' Lulju, 2012
18:45 CET |
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Jacque Rogge indirizza lill-media u qal li l-Kumitat Olimpiku mhux se jkun qed iżomm minuta silenzju fiċ-ċerimonja tal-ftuħ biex ifakkar lill-atleti Iżraeljani li kienu nqatlu fl-1972.
Minflok se ssir ċerimonja fil-Ġermanja fil-5 ta' Settembru biex jitfakkru dawn l-atleti li nqatlu 40 sena ilu waqt dak magħruf bħala s-'Settembru l-iswed' f'attakk li kien sar fuq l-atleti fil-villaġġ Olimpiku waqt il-logħob fi Munich. Rogge qal li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li kien mitlub minn politiċi Iżraeljani, Ġermaniżi u Amerikani biex iżomm minuta silenzju, jemmen li ċ-ċerimonja tal-ftuħ mhux il-post idejali għal tifkira bħal din.
“Aħna nħossu li fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ikun hemm atmosfera li mhix idejali biex titfakkar traġedja bħal din,” qal Rogge.
Intant fl-ewwel rimarki tiegħu Rogge faħħar il-villaġġ olimpiku, ir-relay bit-torċa olimpika u l-arranġamenti li saru għat-trasport f'Londra waqt li qal ukoll li l-arranġamenti li saru dwar is-sugurta` ukoll huma sodisfaċenti. Dan ifisser li Rogge għamel rapport tajjeb dwar l-Olimpjadi anqas min ġimgħa miċ-ċerimonja tal-ftuħ.
Il-President ammetta li l-każ tas-sigurta` kien problema wara li kumpannija privata, l-G4S naqset milli tipprovdi biżżejjed uffiċjali u l-Gvern Ingliż kellu jintervjeni bis-suldati u l-pulizija biex iżid is-sugurta`. Rogge tenna li kien aċċertat li l-kumpannija se tkun qed tħallas kumpens u ma xtaqx jitkellem ħafna fuq dan il-fattur.
Fid-diskors tiegħu Rogge wissa wkoll lill-atleti biex ma jippruvawx jingannaw u jgħidu li jkunu mweġġgħin biex jevitaw li jikkompetu kontra xi atleti partikolari. Din id-dikjarazzjoni tiegħu saret wara li kien mistoqsi dwar xnigħat li l-atleti Eġizzjani kienu mħeġġa biex jirtiraw mill-kompetizzjoni f'każ li jittellgħu kontra xi avversarji minn Iżrael.
Il-President fakkar lill-Kumitat Olimpiċi Nazzjonali, li l-atleti kollha kienu suġġett għal eżami mediku indipendenti u se jkunu kastigati jekk jirrifjutaw li jikkompetu kontra avversarju mingħajr kundizzjoni medika valida. Il-President reġa' saħaq ukoll li l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali hu kontra l-użu ta' kull sustanza llegali imma qal li sospensjoni għal għomorhom mhix kastig prattiku għaliex il-Qorti tista' tibdel is-sentenza jekk tqisha ħarxa wisq.
|