Amy Borg
6 t' Awwissu, 2012
15:38 CET |
Bħalissa f'Malta, sorġut mal-moll fil-Kottonera, hawn l-ikbar vapur solari li qatt inbena fid-dinja - l-MS Turnanor Planet Solar.
Dan il-vapur, li ilu mibni biss erba' snin, ma jużax fjuwil sabiex ibaħħar, iżda l-enerġija biex jaħdem tiġi ġġenerata kollha minn panelli fotovoltajiċi mifruxa fuq 537 metru kwadru biex b'hekk il-vapur jimxi mingħajr ma jipproduċi l-ebda tip ta' ħoss.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino għamel żjara fuq il-vapur akkumpanjat mill-Inġinier Alex Tranter li hu rapreżentant ta' Sun Power, wieħed mill-partners uffiċjali ta' dan il-vapur.
Huma ntlaqgħu fuq il-bastiment mill-Kaptan Eric Du Mont.
F'messagg tal-okkazjoni l-Ministru Pullicino qal li l-MS Turnanor Planet Solar wasal f'pajjiżna fi żmien ideali, hekk kif f'Malta bħalissa qed isir ħafna investiment fl-enerġija mix-xemx.
Hu semma kif illum f'pajjiżna hawn mal-15,000 familja li għamlu użu mill-iskemi tal-Gvern sabiex jiġġeneraw l-enerġija fid-djar tagħhom permezz ta' Solar Water Heaters u PV Panels.
Dan il-vapur fil-forma ta' katamaran ha madwar 64 elf siegħa sabiex inhadem, u l-idea sabiex jinbena originat mill-Iżvizzera. Għandu biss erba' membri tal-ekwipaġġ u kapaċi jieħu fuqu mitt passiġġier abbord meta jkun wieqaf fil-port. Planet Solar hu wiesgħa 23 metru u twil 35 metru.
L-ewwel vjaġġ ta' Planet Solar kien fis-27 ta' Settembru tal-2010 – dakinhar telaq minn Monaco.
Wara li qasam l-Oċean Atlantiku, l-Ocean Pacifiku, l-Ocean Indjan u l-Kanal ta' Suez kif ukoll il-baħar Mediterran, il-vapur reġa' wasal lura Monaco f'Mejju ta' din is-sena. B'dan il-vjaġġ rekord ta' 37,300 mil f'584 gurnata, sar l-ewwel vapur li jiġġenera l-enerġija tiegħu stess li għamel vjaġġ madwar id-dinja.
L-MS Turnanor Planet Solar se jkun qed iħalli l-Port il-Kbir nhar il-Ġimgħa filgħodu, iżda ġurnata qabel il-Pubbliku hu mistieden sabiex jitla' abbord dan il-vapur li matul l-ġurnata se jkun qed idur mal-kosta ta' Malta u jieqaf f'diversi bajjiet, fosthom l-Għadira u l-Port tal-Imġarr f'Għawdex.
|