MaltaRightNow.com
15 t' April, 2012
15:45 CET |
Mitt sena ilu - fil-15 ta' April tal-1912 - ġrat l-iktar traġedja marittima magħrufa - l-għarqa tal-vapur RMS Titanic. Traġedja li fiha tilfu ħajjithom kważi 1,517-il persuna.
Il-vapur, li ħafna kienu jgħidu li ma setgħax jegħreq, ħabat ma' iceberg u għereq fi ftit siegħat. Ħafna mill-passiġġieri mietu għax fil-konfużjoni, ma kienx hemm lifeboats biżżejjed u li kien hemm, ma ntlewx sew.
Fost diversi ċerimonji li saru, l-iktar li spikkaw kienu dawk li saru fuq żewġ Cruise Liners li fl-aħħar jiem ħadu r-rotta eżatta tat-Titanic u li l-Ħadd waqfu fil-post eżatt fejn kienet seħħet l-għarqa.
Permezz ta' daqq tal-arpa u kant ta' mużika spiritwali, ġew imfakkra l-vittmi, li mitt sena ilu mietu fl-ilma nġazzat. Fl-awditorju tal-vapur Azamara Journet, inqraw l-ismijiet tal-vittmi kollha. Iktar tard, ġew osservati żewġ minuti ta' silenzju. Saret ukoll rikreazzjoni tal-messaġġ li ntbagħat minn fuq it-Titanic biex iwissi lill-vapuri fil-qrib li kien qed jegħreq.
It-Titanic kien għereq fl-ewwel vjaġġ tiegħu minn Southampton fl-Ingilterra bid-destinazzjoni ta' New York fl-Istati Uniti.
Minn total ta' 2,220 peruna abbord, salvaw 700 biss. Bl-ikbar ammont ta' mwiet ġarrbuh il-passiġġieri tat-tielet klassi.
|