4 t' April, 2012
16:57 CET |
Via Crucis mhux tas-soltu – imtella' fil-forma ta' wirja ta' pitturi bil-ġibs. L-inizjattiva hija ta' Francelle Pace Agius ta' 28 sena, li qed ittella' din il-wirja li ħadmet hi stess, fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.
Hija oriġinali u mhux tas-soltu, anke minhabba l-fatt li l-14-il pittura tal-Via Sagra li hemm b'kollox f'din il-wirja jissimbolizzaw it-tbatija li minnha jgħaddi pazjent marid bil-kanċer.
Francelle qed ittella' din il-wirja għat-tieni darba, wara li kienet ispirata minn esperjenza personali fejn għenet persuna marida bil-kanċer.
F'kumment, Francelle spjegat kif għaliha li tgħin lil pazjenti morda bil-kanċer hija passjoni għaliex tħoss li tkun qed toffrilhom imħabba u tama u fl-istess ħin meta tara t-tbatija jew anke l-fejqan ta' pazjent, tiġi ispirata sabiex tkompli x-xogħol tagħha b'dedikazzjoni.
Il-pazjenti morda bil-kanċer għandhom bżonn li jkunu megħjuna b'mod holistiku. Hekk qaltilna Francelle li bħalissa tinsab fl-aħħar sena ta' studju tagħha bħala infermiera, fl-Universita' ta' Malta, fejn tixtieq tispeċjalizza fil-qasam tal-onkoloġija.
Semmiet kif bħala infermiera li taħdem fl-isptar Boffa tammira lil dawk il-persuni kollha li b'mod volontarju ta' kuljum jgħinu lil persuni morda bil-kanċer. Hi qalet li dawn il-persuni normalment ikunu qraba ta' persuni li mietu bil-kancer jew inkella persuni li huma stess fiequ minn din il-marda qerrieda.
B'hekk dawn il-voluntieri jkunu qed jgħaddu messaġġ ta' tama b'rabta mal-ħajja li qed jikkumbattu għaliha, l-imħabba lejn il-familja u l-imħabba lejn Alla.
L-investiment fil-kura tal-kanċer hu prijorita' għall-Gvern fil-politika tiegħu dwar is-Saħħa. Propju bhal dan iż-żmien sena il-PM Lawrence Gonzi żar l-isptar Boffa fejn segwa x-xogħol li kien għaddej fuq il-linear accelarator ġdid, apparat sofistikat li jintuża fil-kura tal-kanċer. Il-bini tal-bunker u x-xiri tal-apparat sar b'investiment ta' aktar minn miljun ewro u nofs u ħa post l-apparat li kien ilu jservi f'Boffa għal dawn l-aħħar 26 sena.
Din il-leġiżlatura se tibqa' magħrufa għall-hidma fil-glieda kontra l-kancer. Hidma holistika li tkopri l-bżonnijiet kollha tal-pazjenti anki permezz taċ-ċenrtu l-ġdid tal-onkoloġija li qed jinbena fl-Isptar Mater Dei.
|