Dione BORG
15 ta' Jannar, 2010
18:51 CET |
Tul l-2009, ħamest elef persuna ħadu korsijiet fil-kompjuter organizzati mill-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. L-impenn tal-gvern li flimkien mas-settur privat ikompli jwettaq proġetti u inizjattivi fil-komunita' kien elenkat mis-Segretajru Parlamentari Chris Said f'okkażjoni li fiha l-kumpanija TCTC tat rikonoxximent lil rappreżentati ta' 55 Kunsill Lokali li ħadmu magħha fl-organizzazzjoni ta' korsijiet tat-teknoloġija tal-informatika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li dan hu eżempju tajjeb ħafna ta' public private partnership li rnexxa u sostna li dan ta opportunitajiet kbar lill-Kunsilli Lokali biex iwettqu proġetti għall-benefiċċju tas-soċjeta'.
Hu kompla li hu ta' sodisfazzjon li Malta ġiet fl-ewwel post fl-Ewropa għas-servizzi tal-gvern fuq l-internet iżda issa jeħtieġ li jkompli jsir l-investiment biex aktar Maltin u Għawdxin jużaw l-internet.
Chris Said sostna li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti ħafna x'iwettqu biex dan isir. Għal dan l-iskop kien deċiż li l-korrispondenza kollha tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali lill-istess kunsilli tintbagħat bl-internet waqt li s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli wkoll iridu jibgħatu l-aġenda tal-Kunsilli bl-internet u mhux bil-posted.
Il-Gvern hu mpenjat, sostna s-Segretarju Chris Said li jkompli jwessa' s-servizzi għall-Kunsili Lokali u għall-publbiku fis-settur tat-teknoloġija tal-Informatika.
Id-direttur tat-TCTC RayAbela qal li l-kumpanija se tibqa' mpenjata li toffri servizzi lill-Kunsilli Lokali u korsijiet lill-pubbliku biex f'Malta u Għawdex ma jkunx hawn qasma fis-soċjeta' bejn min juża l-internet u min ma jużahx.
Il-kumpanija TCTC sostna d-Direttur Ray Abela, hi mpenjata li tkompli tifrex is-servizzi tagħha biex tilħaq lill-Kunsilli Lokali kollha f'Malta u Għawdex.
|