13 t' Ottubru, 2012
16:16 CET |
16.15: Marzia nstabet mill-Pulizija fl-inħawi ta' Kennedy Grove.
13.48: Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, it-tfajla intlemħet San Pawl il-Baħar ftit tal-ħin ilu.
10.54:Għadha għaddejja t-tfitxija għat-tifla ta' 12-il sena li ġiet irrappurtata nieqsa il-Ġimgħa filgħodu. Dan wara li telqet mill-iskola Maria Reġina tal-Ħamrun, u ma rritornatx lura d-dar.
It-tifla jisimha Marzia Marimar Maatouk, u l-aħħar li dehret kien fl-inħawi taċ-ċimiterju tal-Addolorata. Fil-fatt, matul il-lejl li għadda il-Pulizija wettqu tfitxija intensiva fl-akwati sabiex isibu ħjiel ta' fejn setgħet marret it-tifla.
Jirriżulta li l-Ġimgħa n-nannu ta' Marzia wassalha l-iskola b'mod normali. Qraba tat-tifla qalulna ukoll li, skont huma, xi tfal qabdu magħha l-iskola u hi ħarbet għall-ħabta tad-9.30 ta' filgħodu.
Minn informazzjoni li ksibna jidher li t-tifla tgħix l-Imsida man-nanniet tagħha. Persuni li rawha qrib iċ-ċimiterju tal-Addolorata sostnew li t-tifla kienet qed tistaqsi minn fejn se taqbad karozza tal-linja għal Haż Żebbuġ – il-post fejn toqgħod ommha.
Skont stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Pulizija, it-tifla hi ta' statura medja, xagħrha kannella u għajnejha ħodor. L-aħħar li intlemħet kienet liebsa jeans u flokk griż bil-badge tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca – Sekondarja Maria Reġina. Hi kellha ukoll basket tal-iskola.
Il-Pulizija qed tappella biex kull min għandu xi forma ta' informazzjoni dwar Marzia jista' jċempel fuq in-numru 119.
|