maltarightnow.com
27 t' April, 2012
18:47 CET |
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech esprima t-tħassib tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva tal-Kunsill tal-Ministri dwar Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva.
Il-Ministru Tonio Fenech kien ippreżentat b'rapport tal-Malta Business Bureau dwar l-impatt ta' din il-proposta u l-implikazzjonijiet tagħha fuq it-tassazzjoni tal-kumpaniji rigward operazzjonijiet tan-negozju lejn Malta.
John A. Huber, il-President tal-Malta Business Bureau spjega li l-valutazzjoni tal-impatt fuq pajjiżna saret minn PriceWaterHouse Coopers, u l-BoV hu partner strateġiku tal-Bureau f'dan ir-rapport.
Huber qal li s-sistema ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-taxxa Korporattiva jkollha impatt negattiv fuq l-ekonomija ta' pajjiżna speċjalment fl-oqsma tal-manifattura, tat-turiżmu u tas-servizzi. Wara li l-Bord tal-Bureau analizza l-aspetti kollha tar-rapport, ikkonkluda li d-Direttiva proposta hi ta' ħsara għall-ekonomija Maltija u għall-komunita' tan-negozju.
Il-President tal-Bureau qal li Malta għandha tieħu pożizzjoni kontra d-Direttiva proposta. Hu qal li meta mqabbla ma' pajjiżi oħra Malta sejra relattivament tajjeb u l-ekonomija miexja u l-qgħad mhux għoli.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Tonio Fenech qal li Malta flimkien ma' diversi pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea bħall-Ġermanja, jkollha x'titlef jekk din il-proposta ta' tassazzjoni tkun attwata. Hu qal li biex il-proposta tkun attwata teħtieġ vot unanimu mill-pajjiżi kollha tal-UE.
Il-Ministru Tonio Fenech qal li l-Gvern Malti lest jiddiskuti proposta fejn kull stat membru tal-UE jattwa taxxa li jrid hu imma ma jaqbilx ma kif id-dħul tat-taxxa jitqassam.
Hu qal li l-proposta attwali tippremja l-ineffiċjenza u teffettwa b'mod negattiv pajjiżi bħal Malta li jippruvaw joħolqu inizjattivi ta' taxxa biex jegħlbu l-iżvantaġġi ta' pajjiż żgħir. Din il-laqgħa mal-Ministru Tonio Fenech kienet l-aħħar impenn uffiċjali għal John A. Huber bħala President tal-Malta Business Bureau – li fis-sentejn li ġejjin se jitmexxa minn George Vella.
|