Nathaniel ATTARD
26 ta' Ġunju, 2012
17:41 CET |
Bdew b'ħanut tal-kafe' fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex għaxar snin ilu, fl-2002. Illum, wara li investew għax emmnu fil-potenzjal tagħhom, għandhom numru ta' stabbilimenti madwar il-gżejjer Maltin, fetħu katina esklussiva ta' prodotti, u saħanistra rnexxielhom jidħlu fi swieq barranin, waqt li għaddejjin b'taħditiet biex jippenetraw swieq f'pajjiżi ġodda.
Din l-istorja ta' suċċess ta' tliet aħwa Għawdxin hija xhieda ta' kif anke n-negozji Għawdxin qed ikomplu jsaħħu l-ekonomija billi jinvestu u jżidu l-impjiegi.
Waqt żjara li għamel lill-kumpanija Jubilee Foods f'Għawdex, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, in-Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi faħħar l-impenn tat-tliet aħwa mmexxija minn Alex Scicluna, u d-dedikazzjoni li dawn għandhom lejn is-settur tan-negozju tagħhom.
Maż-żmien din il-kumpanija kibret biex eventwalment fetħet żewġ ħwienet oħra tal-kafe' fil-Belt Valletta u fil-Gżira u aktar tard daħlet għal proġett ambizzjuż u investiet f'Budapest fl-Ungerija fejn il-ħanut li fetħet hemmhekk, immexxi minn Manager Għawdxi, ukoll sejjer tajjeb.
Bħalissa, il-kumpanija għaddejja b'taħditiet fl-Indja, iċ-Ċina u f'xi pajjiżi oħra Ewropej, u qed tikkunsidra l-possibilita' li tipprova tidħol anke f'dawn is-swieq u tiftaħ stabbilimenti f'dawn il-pajjiżi.
Aktar minn hekk, fl-2010 l-kumpanija investiet aktar minn nofs miljun ewro u fetħet il-katina ta' prodotti Jubilee Foods – bil-prodotti tagħha llum jinbiegħu f'diversi ħwienet, kafeteriji u supermarkets madwar Malta u Għawdex. Dan minbarra li għandha żewġ ħwienet tagħha li jbiegħu esklussivament dawn il-prodotti – wieħed fl-Ibraġġ u l-ieħor f'Supermarket lokali.
Din il-kumpanija Għawdxija llum timpjega 60 ruħ, wara li din is-sena kompliet iżżid il-ħaddiema – fl-2005 kienet tħaddem erbgħin ruħ.
Biex fetħet il-linja ġdida ta' prodotti esklussivi tagħha, il-kumpanija gawdiet ukoll mill-fondi reġjonali tal-UE – madwar tletin elf ewro li ppermettewlha tkompli tinvesti.
|