7 ta' Mejju, 2012
17:58 CET |
L-applikazzjoni tal-belt Valletta biex tospita l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fis-sena 2018 issa tinsab fi stadju importanti.
Wara li f'Jannar li għadda l-belt Valletta ingħatat kummenti pożittivi minn evalwaturi internazzjonali, bħalissa qed issir tħejjija għall-għażla finali u fiha il-Belt u l-proġetti għas-sena 2018 iridu juru li huma denji għat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja ta' Ħal Lija, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, David Felice, ħabbar li t-tieni edizzjoni ta' Imagine 18 biex aktar nies ikunu involuti f'dan il-proċess se ssir fit-Teatru Manoel u fil-Palazz Verdala fit-30 u fil-31 ta' dan ix-xahar.
Għal konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina u l-Ministru tat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent Mario de Marco.
Imagine 18 se tinkludi konferenza pubblika u sensiela ta' workshops maħsuba biex joħolqu diskussjoni dwar l-impatt li l-Kapitali Ewropea tal-Kultura jkollha fuq il-kultura, l-edukazzjoni u l-aspett soċjali f'Malta.
Sadattant bħala parti mill-attivita` fl-Iskola Primarja ta' Ħal Lija, it-tfal tal-ħames Sena ingħataw mudelli ta' ajruplani tal-Air Malta magħmulin mill-kartun. Dawn kienu iddisinjati apposta mill-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tfakkar il-kollaborazzjoni mal-Air Malta kif ukoll id-disinn il-ġdid ta' wieħed mill-ajruplani biex jippromwovi l-applikazzjoni tal-belt Valletta bħala l-Kapitali Kulturali Ewropea 2018.
Dawn l-ajruplani tqassmu lit-tfal kollha fl-iskejjel primarji, tal-Gvern, tal-Knisja u privati f'Malta u f'għawdex.
F'kummenti lil dan is-sit, David Felice jispejga l-importanza li anke t-tfal ikunu involuti f'dan il-proċess tal-Kapitali Kulturali Ewropea.
Dawk li jixtiequ jikkontribwixxu għal programm kulturali jistgħu iressqu l-proposti tagħhom billi jidħlu fil-website www.valletta2018.org.
|