8 t' Awwissu, 2012
20:31 CET |
Il-Gvern u l-Awtorità tad-Djar nidew skema ġdida maħsuba għal dawk li jridu jixtru l-ewwel propjeta’ tagħhom mingħand is-settur privat. L-iskema tinvolvi l-għoti ta’ sussidju ta’ 2.5% fuq is-self mill-banek ghax-xiri tal-ewwel residenza mis-settur privat, liema sussidju se jkun fuq l-ewwel €80,000. L-għotja tal-ħlas fuq is-sussidju hi għal perjodu li jvarja bejn tmienja u għaxar snin. L-iskema hija miftuħa għal sena jew sakemm jintlaħqu t-300 applikant.
Il-benefiċjarji se jkunu qed jiffrankaw sa €14,500 fi ħlas ta’ interessi lill-banek. Id-dettalji ngħataw mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha mhux biss ingħataw id-dettalji dwar l-iskema l-ġdida, iżda wkoll tqassmu l-ittri lil dawk li kienu allokati post permezz tal-iskema Darek Faċli.
L-iskema Darek Faċli kienet tnediet fix-xhur li għaddew u permezz tagħha l-Awtorita’ tad-Djar kienet ħarġet għall-bejgħ 115-il appartament, 8 maisonettes u 98 garaxx. Dawn il-postijiet residenzjali u garaxxijiet huma mifruxa fi 15-il lokalita’ u qed jinbiegħu bi prezz issussidjat sa 25% fuq il-prezz kummerċjali. Dan ifisser li fuq appartament li jiswa €50,000, koppja jew familja se tkun qed tiffranka €12,500.
L-iskema Darek Faċli tant kienet suċċess li l-Awtorità tad-Djar irċeviet 833 applikazzjoni. Il-Ministru Chris Said qal li l-Awtorita’ tad-Djar, konxja mill-fatt li kien hemm konkorrenza qawwija u mhux kulħadd seta’ jiġi allokat post, issa qed tiftaħ kapitlu ieħor permezz ta’ skema għal min irid jixtri l-ewwel post residenzjali tiegħu. L-iskema tal-first-time buyers hi propju intiża biex tgħin lil dawk li ma ġewx allokati post bl-iskema Darek Faċli, sabiex tagħtihom opportunita’ oħra u jixtru darhom mingħand il-privat b’sussidju tajjeb ħafna fuq is-self mill-banek.
Il-Ministru Chris Said tenna li dawn l-iskemi huma mnebbħa mill-għanijiet ewlenin tal-Awtorità tad-Djar fosthom li tgħolli l-livell tal-akkommodazzjoni fil-gżejjer Maltin u li tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk li jersqu lejn is-servizzi tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ tad-Djar Albert Buttiġieġ qal li l-Awtorità qed tkompli fid-direzzjoni soċjali tagħha li tgħin lill-applikanti jgawdu kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan ifisser li l-benefiċarji, bl-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar, se jħossu anqas il-piż tas-self mill-banek.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Awtorita` tad-Djar: www.housingauthority.com.mt, jista’ jikkuntattja lill-Customer Care tal-Awtorita` fuq 2299 1000 jew jibgħat email fuq [email protected]
|