Edward CAMILLERI
14 t' Awwissu, 2012
16:20 CET |
Wara intervent dirett tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, bħalissa jinsabu għaddejjin laqgħat biex fix-xhur li ġejjin l-Isptar Ġenerali t-Għawdex jibda joffri s-servizz tal-kimoterapija lil persuni milqutin mill-marda tal-kanċer.
Dan qalu l-President tal-MUMN Paul Pace f'konferenza tal-aħbarijiet li matulha ppreżenta l-proposti li għaddiet il-Union lill-partiti politiċi biex jiġu inklużi fil-programmi elettorali tagħhom għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru tal-intervent tiegħu, Paul Pace saħaq li dan il-pass, li kien possibbli wkoll wara kampanja tal-MUMN, se jwassal biex titnaqqas it-tbatija ta' pazjenti Għawdxin li kien qed ikollhom jaqsmu lejn Malta biex jirċievu dan it-trattament delikat u wara jerġgħu jirritornaw lura Għawdex kull darba.
Meta tkellmet dwar il-proposti elettorali tagħha, l-MUMN spjegat li minkejja x-xogħol li sar għad hemm bżonn t'aktar investiment fl-infrastruttura tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex u l-Isptar Monte Carmeli biex dawn ukoll isiru state of the art.
Paul Pace appella wkoll biex tiddaħħal aktar leġislazzjoni biex jiġu salvagwardjati bl-aħjar mod possibbli id-drittijiet tal-pazjent, inkluż id-dritt li jara l-file mediku tiegħu, li jitlob opinjoni sekondarja u li jkun jista' jressaq l-ilmenti tiegħu quddiem bord indipendenti.
Huwa tkellem ukoll dwar il-problema tal-waiting lists biex pazjent ikun invistat minn speċjalista u l-bżonn li kulħadd ikun responsabbli ta' xogħolu.
Paul Pace saħaq li permezz t'aktar investiment fil-kura fil-komunità, inqas persuni jkollhom bżonn jużaw l-isptar Mater Dei għall-ħtiġijiet mediċi tagħhom, filwaqt li wissa li skond statistika tal-NSO sas-sena 2025 se jkun hemm bżonn mas-7,000 sodda ġdida għall-anzjani.
Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex ikompli jinvesti fl-edukazzjoni tal-infermieri u jħallihom jibdew jamministraw mediċina li normalment tingħata minn tabib, filwaqt li appella għall-bini ta' sptar ġdid ta' 500 sodda għall-kura ta' mard li ma jdumx biex jitfejjaq.
|