Charles Muscat
23 t' April, 2012
18:25 CET |
Fl-aħħar erba' snin il-Gvern Malti ħadem mill-qrib ma' diversi fabbriki li kienu jinsabu f'diffikultà minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali. Dan wassal biex kienu salvati aktar minn 5,000 impjieg. Mhux biss, ħafna fabbriki u negozji komplew jinvestu u joħolqu l-impjiegi u nħolqu 20,000 post tax-xogħol ġdid.
Fost il-fabbriki li kienu f'diffikultà u ngħataw l-għajnuna mill-Gvern u llum irpiljaw, hemm il-Methode Electronics li tinsab fil-qasam industrijali tal-Imrieħel u tipproduci sensors, switches u apparat elettroniku għal karozzi. Illum Methode tħaddem aktar minn 1,100 bi tliet xiftijiet kuljum.
Dan ħareġ waqt laqgħa li l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi kellu mal-ħaddiema ta' Methode Electronics Malta - laqgħa li tifforma parti mill-attivitajiet tal-PN għal Jum il-Ħaddiema bit-tema 'PNXogħol Għalik u għal Uliedek'.
Fil-Methode Electronics, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, akkumpanjat minn Karol Aquilina, il-President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN, intlaqa' minn Ed Catenacci, il-Kap Ewropew tar-Riżorsi Umani ta' Methode Electronics. wara li ltaqa' mal-management, il-Prim Ministru mar fit-Training Room Canteen fejn iltaqa' u ddiskuta mal-ħaddiema. Il-Prim Ministru qal li fil-jum dedikat għax-xogħol, wieħed irid jieqaf u jaħseb dwar kif pajjiżna li m'għandu l-ebda riżorsa ħlief il-kapaċità tal-ħaddiem, kompla miexi 'l quddiem minkejja d-diffikultajiet tal-krizi finanzjarja u ekonomika internazzjonali. Hu qal li Malta għandha bżonn ukoll l-industrija tal-manifattura li timpjega eluf ta' ħaddiema. Fakkar fl-intervent tal-Gvern biex jgħin lil dawn il-fabbriki u qal li ċ-ċokon ta' pajjiżna kien strumentali biex seta' jitfassal pakkett ta' għajnuna partikulari b'soluzzjoni għal kull fabbrika. Dan wassal biex kienu salvati 5,000 impjieg u dawn il-fabbriki rkupraw u żiedu l-impjiegi biex fl-aħħar erba' snin inħolqu 20,000 impjieg ġdid.
Il-Prim Ministru qal li dan hu mertu tal-ħaddiema, tal-management u anke tal-Gvern. Il-ħaddiema ħadu it-taħriġ meħtieġ u laqgħu l-isfidi filwaqt li l-management għaraf jinvesti u jfittex swieq ġodda. Il-Gvern bil-għajnuna tiegħu assigura li dawn il-fabbriki jibqgħu f'pajjiżna u jkomplu jinvestu. Il-ħaddiema kellhom l-okkażjoni jagħmlu mistoqsijiet lill-Prim Ministru waqt il-laqgħa li damet madwar siegħa u nofs. Is-suġġetti kienu varji kif spjega ma' dan is-sit il-Prim Ministru fi tmiem il-laqgħa. Hu qal li sarulu mistoqsijiet dwar id-djar għall-għarajjes, dwar x'ġara fil-Libja, dwar kif pajjiżna jista' jkun aktar kompetittiv u mistoqsijiet varji oħra. Fost il-mistoqsijiet kien hemm dik ta' ħaddiem li staqsa dwar xi proġetti qed isiru fin-naħa t'isfel ta' Malta biex din iz-zona tattira aktar turisti.
Il-Prim Ministru qal li n-naħa t'isfel ta' Malta għandha potenzjal kbir. Semma' l-proġett SmartCity Malta li jinsab fi stadju avvanzat aktar milli kien ippjanat. Dan se jattira kumpaniji tal-IT u tal-computer games. Sar il-proġett tal-yacht marina tal-Birgu, il-Birgu Waterfront, it-terminal tal-cruise liners fl-Isla kif ukoll il-proġett tal-Baċir Numru I f'Bormla li se jkun fost l-aqwa spazji miftuħa fiz-zona. Sar ukoll ħafna xogħol ta' restawr fiz-zona tal-Birgu, mhux biss mill-Gvern imma wkoll min nies fid-djar privati tagħhom. Lawrence Gonzi qal li l-proġett fejn kien hemm il-lukanda Jerma Palace f'Marsascala hu tal-privat u jittama li s-sid ikompli bil-proġett. Fakkar ukoll li f'Birżebbuġa se jingħalaq l-impjant tal-ħażna tal-gass u qed jinbena impjant ġdid f'Bengħajsa filwaqt li f'Ħal Far qed jiftħu fabbriki ta' valur miżjud. F'Marsascala sar il-proġett tal-by-pass u sar ix-xogħol tar-ristrutturar tal-impjant ta' riċiklaġġ ta' Sant Antnin liema proġett illum m'għadux jikkawża l-inkonvenjent bħalma kien jagħmel qabel.
Fi tmiem il-laqgħa l-Prim Ministru ltaqa' wkoll ma' wħud mill-ħaddiema fil-post tax-xogħol tagħhom.
|