11 t' Awwissu, 2012
18:52 CET |
Il-kandidat Repubblikan għall-elezzjoni Presidenzjali, Mitt Romney, għażel lil Paul Ryan, membru tal-Kungress Amerikan, biex ikun il-kandidat tiegħu għall-kariga ta’ Viċi President.
Romney ħabbar in-nomina ta’ Ryan abbord l-eks bastiment tal-gwerra Amerikan, il-USS Wisconsin, imsemmi wara l-Istat Amerikan minn fejn ġej Ryan. L-aħbar temmet xhur ta’ spekulazzjoni dwar min se jingħaqad miegħu biex fl-elezzjoni tas-6 ta’ Novembru jisfida lill-President Demokratiku Barack Obama u lill-Viċi President tiegħu, Joe Biden.
L-għażla ta’ Ryan seħħet waqt li aktar tard dan ix-xahar se tibda l-konvenzjoni nazzjonali tal-Partit Repubblikan f’Tampa, Florida, fejn jintgħażel formalment il-kandidat tal-partit.
Ryan, li għandu 42 sena, hu magħruf għal-linja iebsa tiegħu kontra aktar taxxi u Gvern limitat, kif ukoll il-qtugħ għall-programmi tas-saħħa tal-Gvern għall-anzjani u l-fqar.
Sa issa, fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, Obama għandu distakk żgħir fuq Romney.
|