16 ta' Mejju, 2012
20:31 CET |
Ir-riforma li qed tittwettaq fost il-priġinieri qed tagħti l-frott. Tant li mill-450 priġunier li daħlu l-ħabs fl-aħħar erba' snin b'rabta ma' każi ta' droga, kienu biss 14 li rritornaw lura.
Dan tħabbar mill-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari Carm Mifsud Bonnici waqt żjara li għamel flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura Mario de Marco fiċ-Ċentru tar-Restawr f'Bighi fejn grupp ta' priġunieri żgħażagħ ttieħdu bħala parti mill-proċess ta' riforma li qed jitwettaq fost il-priġunieri.
Ir-riforma fil-ħabs kienet il-qofol ta' messaġġi li l-Ministri Mifsud Bonnici u de Marco tkellmu dwarhom u li għaddew ukoll lill-priġunieri żgħażagħ f'konversazzjonijiet personali li huma kellhom magħhom waqt iż-żjara.
Il-Ministru Carm Mifsud Bonnici qal li din iż-żjara u l-proċess ta' riforma huma parti mill-liġi tal-ġustizzja riparatriċi li qed titwettaq fejn kien introdott pjan ta' ħarsien għall-persuni li hemm fil-ħabs.
Hu spjega kif l-impenn u d-dedikazzjoni li juru l-priġunieri huma importanti biex dawn ikunu jistgħu japplikaw għal parole u biex jieħdu salarju. Il-prinċipju issa hu li l-priġunieri jridu jaħdmu għalih dan il-ħlas.
Il-Ministru Mifsud Bonnici tkellem dwar l-importanza li l-priġunieri jifhmu l-importanza li huma jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu lis-soċjeta'.
Aspett ieħor enfasizzat mill-Ministru Mifsud Bonnici kien dak dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim fost il-priġunieri fejn jirriżulta li minn total ta' 600 priġunier hemm biss 45 li huma illitterati. Bl-iskop li jżied it-tagħlim fost il-priġunieri, l-awtoritajiet tal-ħabs introduċew diversi korsijiet ta' tagħlim għall-priġunieri.
Dan l-element kien enfasizzat ukoll mill-Ministrru Mario de Marco li tkellem dwar il-mod kif l-arti u l-kultura jistgħu jikkontribwixxu biex il-priġunieri jintegraw iktar u jirriformaw. Hu enfasizza l-kreattivita' bħala aspett fundamentli biex il-priġunieri jsibu alternattivi u skopijiet ġodda f'ħajjithom.
Il-Ministru de Marco tkellem dwar id-diversi attivitajiet li qed jipparteċipaw fihom il-priġunieri fosthom rappreżentazzjonijiet teatrali li qed joħorġu l-kwalitajiet tagħhom.
|