16 ta' Mejju, 2012
13:55 CET |
Għall-ewwel darba studenti Universitarji Għawdxin se jkunu jistgħu jagħżlu li jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f'Għawdex stess, grazzi għal proġett pilota mmexxi mill-Università ta' Malta b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Dan tħabbar mill-Ministru ta' Għawdex, Giovanna Debono u mill-Professur Joe Friggieri, li hu wkoll il-Pro-Rettur tal-Kampus tal-Università f'Għawdex.
Permezz ta' din l-inizjattiva għadd ta' studenti Għawdxin li jattendu korsijiet tal-Università f'Malta se jkunu jistgħu jagħzlu li jagħmlu l-eżamijiet tas-sessjoni ta' Ġunju fil-Kampus ta' Għawdex. B'hekk dawn l-istudenti ma jkollhomx għalfejn jivvjaġġjaw jew joqogħdu Malta fi żmien l-eżamijiet.
Giovanna Debono fissret kif din hija inizjattiva oħra li tfittex li toffri aktar servizzi edukattivi f'Għawdex u fl-istess waqt taqdi l-ħtiġijiet partikolari tal-istudenti Għawdxin.
Il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat f'ħidma li tħeġġeġ aktar studenti Għawdxin ikomplu bl-istudji tagħhom wara li jispiċċaw il-korsijiet sekondarji u post-sekondarji f'Għawdex.
Il-Ministru Debono esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li llum hemm aktar minn 1000 student li qed isegwu korsijiet fl-Università ta' Malta, li jfisser id-doppju ta' dawk li kienu jattendu l-Università għaxar snin ilu.
Filwaqt li awgurat lill-Professur Friġġieri għall-ħatra tiegħu, hija fissret kif din l-inizjattiva tawgura tajjeb għal aktar żviluppi pożittivi f'dan il-qasam.
Il-Professur Joe Friġġieri, min-naha tiegħu spjega li dan il-proġett pilota qed isir bil-ħsieb li n-numru ta' eżamijiet li jsiru f'Għawdex għall-istudenti Għawdxin ikompli jiżdied fil-futur. Għal din is-sena se jkun hemm 71 sessjoni ta' eżamijiet marbutin ma' seba' korsijiet differenti. Dan minbarra l-eżamijiet l-oħra konnessi mal-korsijiet offruti fil-Kampus tal-Università f'Għawdex matul is-sena akkademika.
|