maltarightnow.com
19 t' April, 2012
20:13 CET |
Aġenti tal-ivjaġġar Maltin li qed jieħdu sehem fil-fiera tal-Ivjaġġar tal-Air Malta, AMITEX f'Ta' Qali, qed jistennew li se jkollhom Sajf tajjeb f'dak li jirrigwarda safar mill-Maltin. Waqt il-ftuħ tal-AMITEX il-Ħamis filgħaxija, dan is-sit tkellem ma' numru ta' aġenti tal-ivjaġġar Maltin dwar kif sejrin il-bookings għat-tours li huma jorganizzaw u dawk kollha qalu li l-prospetti huma tajbin u deħlin ammont sostanzjali ta' booking u qed jistennew li dawn jiżdiedu waqt l-AMITEX.
Din is-sena l-Fiera kibret b'55% fuq is-sena li għaddiet f'dawk li huma esebituri u hi meqjusa bħala l-aqwa waħda li qatt kienet organizzata. Il-fiera tibqa miftuħa sa nhar il-Ħadd li ġej. Statistika uffiċjali turi li kompla jiżdied is-safar tal-Maltin, bil-Maltin u l-Għawdxin li siefru fi Frar li għadda żdiedu b'aktar minn 7%, jiġifieri b'1,300, meta mqabbel ma' Frar tal-2011. B'kollox fi Frar li għadda l-Maltin għamlu aktar minn 19,400 vjaġġ barra mill-pajjiż. Skont statistika tal-NSO, il-maggoranza tal-Maltin għażlu li jsiefru l-aktar lejn pajjiżi tal-UE hekk kif kien hemm 'il fuq minn 16,700 safra lejn dawn il-pajjiżi, li jfisser żieda ta' 6% fuq is-sena ta' qabel. Kwazi 2,700 safra saru lejn pajjiżi li m'humiex fl-Ewropa, li wkoll ifisser żieda sostanzjali ta' 18%.
Sadattant waqt il-ftuħ tal-fiera, Tonio Fenech, il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment qal li bħalissa għaddejjin xejn inqas minn 160 inizjattiva differenti b'rabta mar-ristrutturar tal-Air Malta u dawn jinkludu ristrutturar finanzjarju, ġestjoni tal-kuntratti, merkanzija, in-flight, ground handling, żvilupp organizzattiv, teknoloġija tal-informazzjoni u tisħiħ tad-dħul.
Dwar l-Air Malta, il-Ministru Tonio Fenech qal li għaddejja ħidma kontinwa mill-Gvern, mill-Bord, mill-Management u mill-ħaddiema biex ikun assigurat futur sostenibbli u vijabbli għal linja nazzjonali tal-ajru. Hu fakkar li l-Gvern dejjem wera sensittivita' għar-realtajiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom u għalhekk iddiskuta u laħaq ftehim mal-unions kollha dwar skemi ta' irtirar volontarju u dwar opportunitajiet oħra ta' impjieg mas-settur pubbliku. Il-Ministru Tonio Fenech qal li fl-aħaħr sena bejn Marzu 2011 u Frar 2012, l-Air Malta żiedet id-dħul tagħha bi €3 miljun u naqqset in-nefqa bi €3 miljun. Dan minkejja ż-żieda ta' €17-il miljun fil-kont tal-fuel tal-Air Malta. Dwar it-turiżmu, Tonio Fenech qal li għal ewwel darba, it-turisti li ġew Malta matul l-2011 qabżu l-1.4 miljun jiġifieri żieda ta' kważi 6 fil-mija fuq is-sena ta' qabel. Żdiedu wkoll l-iljieli li t-turisti qattgħu f'Malta u n-nefqa tagħhom telgħet għal €1.23 biljun.
Is-sena 2011 kienet ukoll l-aktar sena li fiha qatt ġew passiġġieri bil-cruise liners u dan hu frott tal-ħidma tal-Gvern permezz tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, sar investiment f'aktar rotot ġodda, aktar marketing u riklamar. Sar ukoll investiment fil-kwalita' tal-prodott, proġetti infrastrutturali fosthom dawk fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u t-tisfija tad-drenaġġ. Il-Ministru Tonio Fenech fakkar ukoll li fl-aħħar sentejn il-Gvern introduċa skema ta' €15-il miljun għal enerġija li minnha gawdew 30 operatur turistiku. Introduċa skema għal lukandi u r-ristoranti u postijiet oħra ta' akkomodazzjoni li minnha jistgħu jibbenefikaw minn sussidju fuq ir-rata tal-interess għal self li jieħdu biex biex jinvestu fl-operat tagħhom u jtejbu l-prodott turistiku u s-servizzi li joffru. Disa' lukandi diġa' gawdew bejniethom aktar minn €1 miljun. Dan minbarra skema ta' 10 miljun amministrati mill-MTA u ko-finanzjata mill-fondi Ewropej favur investimenti f'turiżmu sostenibbli u programmi ta' taħriġ fir-riżorsi umani.
Fil-ftuħ tal-AMITEX tkellmu wkoll iċ-Chairman tal-Air Malta Loui Farrugia u l-Kap Eżekuttiv Peter Davies.
|