Jerome CARUANA CILIA
15 t' Awwissu, 2012
12:39 CET |
Mill-inqas seba' persuni ndarbu wara splużjoni li seħħet fil-Pjazza tal-Gudja, kmieni llum wara nofsinhar, waqt li kienet qed tiġi ċelebrata l-festa ta' Santa Marija Mtellgħa s-Sema.
L-isplużjoni seħħet minħabba ċilindru tas-CO2 u l-feruti jinkludu żewġ bandisti u partitarju tal-Każin taċ-Ċintura, li ttieħdu bl-ambulanza fl-isptar Mater Dei. Skont sorsi infurmati, jidher li wieħed mill-feruti jaf jitlef saqajh, filwaqt li ieħor kellu ferita gravi f'għonqu.
Wieħed mill-feruti huwa Bjorn Callus, li għandu 26 sena mill-Birgu imma li joqgħod Ħaż-Żabbar. Callus huwa s-Segretarju tal-Banda ta' San Lawrenz, tal-Birgu u kien qed idoqq l-alfonju waqt il-marċ taċ-Ċintura.
Alexander Bigeni ta' 16-il sena kien viċin ferm taċ-ċilindru u meta sloda huwa sofra ġrieħi gravi f'saqajh il-leminija taħt l-irkoppa.
Minbarra Callus u Bigeni, il-midruba jinkludu mara ta' 33 sena u raġel ta' 22 sena residenti l-Gudja, żewġt itfal ta' 16-il sena, wieħed mill-Gudja u ieħor minn Ħaż-Żebbuġ, tifel ta' 14-il sena mill-Belt Valletta u tifel ta' 12-il sena mill-Gżira.
Callus u Bigeni ġew operati fl-Isptar Mater Dei waqt li l-hames persuni l-ohra ntbaghtu d-dar.
Fil-post kienet evidenti ħafna l-kommossjoni, b'mod speċjali mill-qraba tal-vittmi.
Minkejja li l-marċ twaqqaf ħesrem minħabba dan l-inċident il-purċissjoni tkompliet minħabba li ħadd ma hu fil-periklu li jitlef ħajtu, qalilna kelliem għall-festa.
Bil-każ kien infurmat il-maġistrat Carol Peralta li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-inkjesta.
|