29 ta' Ġunju, 2012
16:47 CET |
Waqt il-quddies tal-festa' ta' San Pietru u San Pawl, il-Papa Benedittu XVI fakkar li l-Knisja m'hijiex komunita' ta' nies perfetti imma ta' midinbin, li għandhom bżonn l-imħabba t'Alla u li jkunu ippurifikati bis-Salib ta' Kristu.
Fl-omelija tiegħu hu fakkar li l-awtorita' tal-Knisja li tħoll jew torbot bid-dnubiet hija mgħotija minn Kristu nnifsu lil Knisja. Din iddeskriviha bħala grazzja li hija fil-qalb ta' ministeru tal-Knisja, frot l-imħabba t'Alla, dik l-imħabba li d-dawl tagħha jiddi mill-Kalvarju.
Wara li f'ċerimonja qiegħed il-palju tiegħu fuq il-41 isqfijiet ġodda, il Papa fakkar li l-appostli Pietru u Pawlu fit-Tradizzjoni nisranija jirrappreżentaw il-vanġelu ta' Kristu, fejn f'Ruma l-għaqda tagħhom għalkemm ġejjin minn għeruq differenti, ingħaqdu bħala aħwa fil-fidi f'Ġesu' Kristu. Barra minn hekk, tkellm ukoll fuq kif fl-ikonografija tradizzjonali San Pawl jidher b'xabla f'idejħ mhux biss simbolu tal-martirju tiegħu imma wkoll referenza ta' lejn dik il-battalja t-tajba tal-evanġeliżżazzjoni li jsemmi fl-ittra tiegħu lil Timotju.
Fl-istess omelija, il Papa għamel messaġġ lejn il-Patrijarka Ekumeniku ta' Kostantinopoli, Bartolomew I, dwar l-importanza tal-messaġġ tal-vanġelu qiegħed ukoll f'dik il-komunjoni sħiħa bejn il-Patrijarka u l-Isqof ta' Ruma.
|