Mario FRENDO
10 ta' Lulju, 2012
18:45 CET |
Waqt il-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea li saret ilbieraħ fi Brussell, Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment Tonio Fenech tenna l-pożizzjoni ta' Malta li ma taqbilx mal-hekk imsejjħa 'Country Specific Recommendations'.
Fost il-proposti f'dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm li togħla l-eta' tal-irtirar u tibdiliet fis-sistema tal-mekkaniżmu tal-COLA. Malta kemm 'il darba tenniet l-istess pożizzjoni waqt diversi laqgħat fl-Unjoni Ewropea.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss dak li qed jiġi msejjaħ bħala t-'two pack' – pakkett magħmul minn żewġ proposti li għandhom l-għan li jintroduċi miżuri sabiex isir moniteraġġ aħjar tal-politika marbuta mal-baġits tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Presidenza Ċipriotta li bdiet it-terminu tagħha fl-ewwel ta' Lulju li għadda preżentat il-programm ta' ħidma tagħha, filwaqt li qalet li trid tiffoka fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' inizjattivi li ġew adottati riċentament b'rabta ma' governanza ekonomika aħjar, assigurazzjoni ta' konsolidazzjoni fiskali u l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku.
Sadanittant, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona ewro qablu li jsellfu lil Spanja 30 biljun ewro dan ix-xahar biex il-Gvern ta' Madrid ikun jista' jsalva l-banek li spiċċaw f'diffikulta' kbira. Dan se jkun l-ewwel pagament mill-bailout ta' 100 biljun ewro li ntlaħaq qbil dwaru f'Ġunju.
|