Kenneth XUEREB
2 ta' Mejju, 2012
12:00 CET |
Malta żammet postha fost il-pajjiżi bl-inqas rata ta' qgħad, kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona ewro.
Skont ċifri maħruġa mill-Eurostat, l-Aġenzija tal-Istatistika tal-UE għax-xahar ta' Marzu, il-qgħad f'Malta baqa' stabbli b'6.8% għalkemm issa tinsab is-sitt l-inqas hekk kif ir-rata ta' qgħad fir-Repubblika Ċeka niżlet marġinalment minn 6.8 għal 6.7%.
Din ir-rata tibqa' ferm inqas mill-media tal-UE sħiħa kif ukoll taż-żona ewro li huma ta' 10.2 u 10.9% rispettivament.
Meta mqabbel ma' sena ilu, il-qgħad naqas fi tmien pajjiżi u żdied fi dsatax. L-ikbar tnaqqis kien irreġistrat fil-Litwanja minn 17.5% għal 14.3% filwaqt li l-ikbar żieda fil-qgħad kienet irreġistrata fil-Greċja b'zieda ta' 7% minn 14.7% għal 21.7%.
Il-qgħad fost iż-żagħżagħ, jiġifieri dawk ta' taħt il-25 sena, żdied f'diversi pajjiżi fl-UE. L-ikbar perċentwal ta' żagħżagħ li qed ifittxu x-xogħol jinsab fil-Greċja b'51.2% segwita minn Spanja b'51.1%. F'Malta ir-rata ta' qgħad fost iz-zagħzagħ naqset bi kwazi punt percentwali minn 14.4% fi Frar li għadda għal 13.6% f'Marzu.
|