Nathaniel ATTARD
18 t' April, 2012
10:20 CET |
F'Marzu li għadda Malta kellha fost l-inqas rati tal-inflazzjoni minn fost is-27 stat membru tal-UE u anke fost dawk li jiffurmaw iż-żona ewro.
Dan joħroġ minn ċifri pubblikati mill-Aġenzija tal-Istatistika tal-Unjoni, il-Eurostat bir-rati tal-għoli tal-ħajja għax-xahar li għadda.
Filwaqt li l-inflazzjoni annwali fl-UE kienet fil-livell ta' 2.9% waqt li dik fiż-żona ewro kienet 2.7% f'Malta, tgħid l-UE fl-istatistika tagħha, ir-rata tal-inflazzjoni kienet fil-livell ta' 2.4%.
Dan ifisser li Malta kellha inflazzjoni inqas mill-medja Ewropea, u fil-klassifika tal-pajjiżi kellha s-seba' l-inqas rata li biha togħla l-ħajja. Qabel Malta b'inflazzjoni inqas hemm biss l-Iżvezja, il-Greċja, il-Bulgarija, Spanja, l-Irlanda u l-Ġermanja.
Il-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni, jiġifieri għoxrin pajjiż, kollha għandhom rata tal-għoli tal-ħajja ferm ogħla minn ta' Malta bl-ogħla rati jkunu dawk reġistrati fl-Ungerija, l-Estonja u r-Repubblika Ċeka fejn ir-rata tqarreb il-5%.
Bħall-medja Ewropea, l-inflazzjoni f'Malta baqgħet fl-istess livell fuq ix-xahar ta' qabel. Mill-istatistika tal-UE joħroġ li l-ħajja għoliet fi tmien pajjiżi, baqgħet stabbli f'erbgħa, fosthom Malta, u naqset f'14-il stat membru.
Malta tmur aħjar fir-rata tal-inflazzjoni li tkun imkejla fuq perjodu ta' sena, f'dak li huwa magħruf bħala t-Twelve Month Moving Average. Hawnhekk, tgħid l-istatistika, l-inflazzjoni f'Malta tinsab fil-livell ta' 2.2% meta r-rati medji għall-UE u għall-pajjiżi li għandhom l-ewro huma 3.1% u 2.8% rispettivament. F'dan il-każ jirriżulta li Malta għandha r-raba' l-inqas rata tal-inflazzjoni fl-Ewropa.
|