29 t' April, 2012
11:09 CET |
Għall-ewwel darba fil-gżejjer Maltin, l-Orkestra Eġizzjana Al Nour Wal Amal se tkun qed ittella' kunċert fit-Teatru Manoel fis-6 ta' Mejju.
Madanakollu, din l-orkestra ta' 38 mużiċista professjonali hija differenti minn kull orkestra fid-dinja, minħabba l-fatt li l-mużiċisti kollha huma tfajliet neqsin mid-dawl.
Dan il-kunċert qed isir sena wara li suppost sar, minħabba li kellu jiġi pospost minħabba l-inkwiet intern li nqala fl-Eġittu fir-rivoluzzjoni popolari kontra t-tmexxijja tal-President Hosni Mubarak.
Din l-orkestra kisbet bosta suċċessi internazzjonali u ġiet mistiedna biex tipparteċipa f'għadd ta' attivitajiet madwar id-dinja kollha, fosthom fir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Kuwait, it-Tajlandja u l-Ġappun.
Fil-fatt, fost ir-repertorju ta' din l-orkestra hemm bosta biċċiet mużikali magħrufa madwar id-dinja, fosthom xogħol tal-kompożituri Rossini, Dvorak u Verdi u Mozart, kif ukoll xogħol ta' għadd ta' kompożituri magħrufa fil-Lvant.
Fl-okkażjoni tal-kunċert f'Malta, din l-orkestra se tkun qed iddoqq ukoll xi kompożizzjonijiet tal-Maestro Malti Joseph Vella.
Dan il-kunċert, bl-isem ta' The Love, Hope and Music Concert, se jkun qed jiġbor fondi b'riżq l-Għaqda Maltija għall-Persuni Neqsin mid-Dawl.
Din l-okestra hija taħt id-direzzjoni tal-Maestro Ali Osman u s-superviżjoni mużikali ta' Ines Abdeldaiem.
Dan il-kunċert qed jittella' taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta.
|