Neil Camilleri
28 ta' Ġunju, 2012
13:10 CET |
Il-gazzetta tal-General Workers Union irtirat allegazzjonijiet libellużi li għamlet kontra l-Isqof t'Għawdex Mario Grech. Dawn l-allegazzjonijiet kienu ppubblikat f'Awwissu tas-sena li għaddiet f'artiklu mill-ġurnalist John Pisani, bit-titlu "Il-Kurja t'Għawdex f'ġirja qabel l-elezzjoni - Trid li ħu Giovanna Debono jsir Beatu."
Din il-kitba kienet dwar it-tmexxija ‘l quddiem tal-Postulazzjoni tal-kawża tal-beatifikazzjoni ta' dan is-saċerdot, u ssemma wkoll annullament ta’ żwieġ quddiem it-Tribunal tal-Kurja t’Għawdex.
L-Isqof Grech kien ippreżenta kawża ta’ libell kontra l-Editur ta' l-Orizzont u l-awtur u fl-Atti ta’ dik il-kawża ġie rreġistrat verbal li fih dawn irrikonoxxew li l-allegazzjonijiet tagħhom kienu nfondati u malafamanti u aċċettaw li jippubbilkaw din l-stqarrija biex hekk il-kawża tiġi magħluqa.
Fl-istqarrija t’ issa, l-Editur u l-awtur iddikjaraw li lill-Mons Mario Grech iqisuh b[ala Isqof li f’dak li jagħmel hu animat minn spirtu pastorali biss u minn ebda konsiderazzjonijiet oħrajn u li għalhekk il-fatti dwar aġir improprju attribwiti lilu fl-imsemmi artiklu mhumiex minnhom.
L-Editur u l-awtur b’mod partikolari, iddikjaraw li "l-beatifikazzioni u l-kanonizzazzjoni ta’ persuna, inkluża dik ta’ Dun Mikiel Attard, hi kompetenza tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin tas-Santa Sede u ma tiddependix mid-diskrezzioni tal-Mexxej ta’ Djoċesi u għalhekk il-Kurja t’Ghawdex u l-Mexxej ta’ tali Kurja Djoċesana m’għandhom ebda kontroll fuq tali kawża u lanqas ma kien il-każ li l-Isqof Mario Grech għamel xi pressjoni biex jitħaffef il-process tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni ta’ Dun Mikiel Attard.
Iddikjaraw ukoll li "l-Isqof Grech ma kellu ebda parti fil-proċeduri għall-otteniment ta’ dispensa – li minnha nnifisha hi proċedura li tieħu żmien ferm iqsar minn proċedura ta’ dikjarazzioni ta’ nullità ta’ żwieġ - tal-persuna li saret referenza għaliha fl-artiklu msemmi; anzi, l-każ imsemmi lanqas sar fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex.
Fl-istqarrija ddikjaraw li "assolutament ma jirriżultalhomx li l-Isqof Grech qatt indaħal fl-operat tat-Tribunal Ekkleżjastiku u jiddispjacihom li l-imsemmija kitba ħolqot dubju dwar l-integrità u l-imparzjalità tal-Isqof Grech bħala Moderatur tat-Tribunal Ekkleżjastiku."
L-editur u ġurnalist ta' l-Orizzont talbu skuża għal kull inkonvenjent li l-kitba kkaġunat lill-Isqof Mario Grech.
|