Jerome CARUANA CILIA
3 ta' Lulju, 2012
18:23 CET |
Tul din l-ewwel sena, minn mindu bdiet taħdem il-kumpanija Arriva, ż-żieda fil-passiġġieri kienet bejn 9 u 11 fil-mija għola fuq s-sena ta’ qabel.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni qal li din il-kumpanija, sena wara, qed tħaddem ‘l fuq minn 1,200 ħaddiem bejn irġiel tal-familja, nisa u ommijiet, u anke numru mdaqqas ta’ żgħażagħ.
Apparti minn hekk kulħadd għadu fehma waħda, dik li s-servizz tjieb ħafna ħdejn li kien qabel u meta mqabbel ma’ sena ilu. Dan l-isforz kollu, għall-Oppożizzjoni Laburista ma jfisser xejn.
Il-kelliem Laburista, Joe Sammut, li fl-aħħar sena deher biss f’konferenzi stampa biex jallarma n-nies u jdaħħal subajgħ fil-feriti, reġa’ injora għal kollox l-isforz li sar mill-Gvern, mill-ħaddiema ta’ Transport Malta u mill-ħaddiema tal-kumpanija Arriva biex s-servizz illum huwa fid-90 fil-mija tiegħu funzjonabbli kif suppost.
L-istqarrija tgħid li għall-Oppozizzjoni Laburista ma jfisser xejn li llum għandna arja aktar nadifa grazzi għall-flotta ta’ karozzi Euro V; ma jfisser xejn li llum il-poplu qed jivjaġġa fl-arja kkundizzjonata; ma jfisser xejn li l-Arriva kuljum tagħmel 150,000 waqfa biex taqdi l-klijenti tagħha; ma jfisser xejn li Għawdex, għall-ewwel darba fl-istorja għandu servizz tat-trasport pubbliku.
Il-Gvern mill-ewwel medd idejh biex fejn kien hemm il-problemi jitranġaw mill-aktar fis possibbli u fejn il-kumpanija mhix tonora l-obbligi tal-kuntratt qed tkun kontinwament immultata. Fil-fatt minn Novembru li għadda (meta daħlu fis-seħħ il-multi) l-multi kważi laħqu n-nofs miljun ewro.
Matul l-aħħar xhur saru diversi aġġustamenti fir-rotot u anke fin-noll tal-Park and Ride. Dan għax il-Gvern kien kontiwament widnejh mal-art u sema’ l-bżonnijiet diretti tal-poplu.
Kulħadd jaf li l-bidu huwa kollu iebes, tgħid l-istqarrija, imma llum sena wara, għalkemm fadal lok fejn jitranġaw diversi metodi u affarijiet bħas-sistema ta’ l-IT u tinżamm aktar il-puntwalità, kulħadd jammetti li grazzi għal dan il-Gvern għamilna passi ta’ ġgant fil-qasam tat-trasport, mhux biss dak tat-trasport pubbliku iżda fis-settur kollu. U dan grazzi għar-riformi li saru fis-settur tal-kowċis, tal-minibuses, tat-taxis, tal-electric cabs u anke tal-water taxis.
Imma l-Oppożizzjoni Laburista ħsiebha biss biex tikkritika u tinjora l-isforzi ta’ kuljum ta’ kull ħaddiem fil-qasam tat-trasport biex jaqla’ l-għixien tiegħu. Is-serjeta’, il-viżjoni, t-twettiq ta’ dak imwiegħed u l-għixien tal-familji f’dan is-settur jassigurah biss dan il-Gvern ittemm tgħid l-istqarrija.
|