Ivan VASSALLO
17 ta' Lulju, 2012
19:29 CET |
Il-Malta Internatiopnal Airport plc (MIA) ħabbret profitt ta' €4.48 miljun fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, żieda ta' 13% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra meta l-profitt kien ta' €3.96 miljun.
Il-bord tad-diretturi tal-Malta International Airport plc, approva dawn ir-riżultati li għalqu fit-30 ta' Ġunju 2012.
Id-dħul tal-grupp tul dan il-perjodu kien ta' €22.71 miljun, kemmxejn aktar minn dak tal-istess perjodu fl-2011 li kien ta' €22.67 miljun. Id-dħul minn ħlas tal-avjazzjoni kien ta' 71.9% filwaqt li d-dħul minn bejgħ u proprjetà kien ta' 27%. L-ispiża tal-istaff tal-ajruport naqset minn €4.5 miljun għal €3.5 miljun, riżultat tal-iskemi tal-irtirar kmieni li saru bejn l-2010 u l-2011. In-nefqa fl-operat tal-ajruport żdiedet għal €9.3 miljun, żieda ta' 5.8%.
Fl-istqarrija tiegħu il-bord tat-tmexxija tal-MIA innota b'sodisfazzjon li l-pjan tar-ristrutturar tal-Air Malta, kif ippreżentat mill-Gvern Malti ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Il-bord qal li din hija deċiżjoni favur il-linja nazzjonali tal-ajru li se żżid aktar wasliet ta' turisti f'Malta.
Il-bord irrefera wkoll għall-aħħar xogħlijiet fuq il-proġett ta' SkyParks Business Centre fejn hu mistenni li jkun hemm l-ewwel kumpaniji li se jibdew joperaw minn dan il-bini fil-jiem li ġejjin.
Fl-analiżi li għamlet għall-kumplament tas-sena, il-kumpanija qed tipproġetta li din is-sena n-numru ta' passiġieri li jgħaddu mill-ajruport hu mistenni jiżdied b'1.5% mill-2011.
Kien approvat ukoll divident ta' €0.03 għal kull sehem li għandu jitħallas mhux aktar tard mill-10 ta' Settembru.
|