Jerome CARUANA CILIA
23 ta' Lulju, 2012
19:11 CET |
In-numru ta' ħaddiema impjegati fis-settur tal-lukandi u r-ristoranti fl-2011 hu ta' 19,400 li jfisser żieda ta' 9% jew 1,500 persuna fuq l-ammont ta' nies impjegati is-sena ta' qabel. L-impjiegi ġodda għenu biex joffru l-aħjar servizz għar-rekord ta' turisti li ġew is-sena l-oħra, jiġifieri ’l fuq minn 1.4 miljun turist.
Dan ħabbru l-Ministru tat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco waqt li ppresieda t-tnedija tal-Malta Hotels and Restaurants Academy, fil-Lukanda Excelsior, fil-Furjana.
In-numru ta' operaturi mill-2006 sas-sena 2011 żdied ħafna u minn 4,200 persuna li kienu liċenzjati mal-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA), żdied għal 5,400 persuna, żieda ta' 26%. Dawn iċ-ċifri mhux biss juru li l-ammont ta' operaturi liċenzjati qegħdin jiżdiedu, imma li anke n-nies li jaħdmu f'dan il-qasam qegħdin jiżdiedu.
Minkejja li diġà hemm xi istituti li joffru diversi korsijiet bħall-ITS u l-Università, il-Ministru Mario de Marci qal li dan mhux biżżejjed jekk irridu nibqgħu destinazzjoni kempetittiva.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat, qal li l-istrutturi edukattivi tal-Gvern taw u għadhom jagħtu kontribut kbir, iżda l-MHRA rat li l-potenzjal jista' jiġi komplut mis-settur privat li għandu l-interess li joffri taħriġ f'oqsma diversi tal-industrija tat-turiżmu.
B'hekk l-MHRA ħadet l-inizjattiva biex tiġbor fi ħdanha numru ta' organizzazzjonijiet stabbiliti fil-kompetenzi tagħhom bil-għan li jinħolqu sinerġiji fejn jidħol taħriġ u edukazzjoni għall-ġid tal-operaturi fl-indusrtrija.
Fost is-suġġetti, se jkun hemm dawk maniġerjali, vokazzjonali, ħarsien tal-ambjent, xorb u ikel, teknoloġija, property management, użu effiċjenti tal-enerġija, customer care u lingwi fost oħrajn.
Il-programm li se jibda minn Ottubru li ġej u jikkonsisti f’taħriġ bażiku fix-xogħol tant importanti ta' wejter.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, qal li l-MHRA se tibda tkun aktar pro-attiva u qed tieħu diversi inizjattivi biex flimkien mal-Gvern ikomplu jagħtu spinta ’l quddiem lil din l-industrija tant importanti għal pajjiżna.
|