Charles MUSCAT
30 ta' Ġunju, 2012
09:00 CET |
Il-kunċert kolossali Isle of MTV Malta Special li sar f'pajjiżna nhar l-Erbgħa li għadda u li għalih attendiet folla rekord ta' aktar minn ħamsin elf ruħ, fetaħ bil-kbir l-istaġun tal-kunċerti f'pajjiżna għal dan is-Sajf.
Isle of MTV Malta Special sar Fuq il-Fosos tal-Furjana u fost il-kantanti li ħadu sehem kien hemm Nelly Furtado, Eva Simmons, Flo Rida u Will.a.am.
Il-kunċert li jmiss se jsir nhar is-Sibt 7 ta' Lulju ukoll Fuq il-Fosos u fih se jieħdu sehem it-tenur magħruf Malti Joseph Calleja flimkien mal-kantanti internazzjonali Gigi D'Alessio u l-Irlandiż, Ronan Keating, l-ex membru tal-grupp famuż, Boyzone. Fil-kunċert se tieħu sehem ukoll l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Isle of MTV Malta Special kien jifforma parti mill-Malta Music Week li tkun segwita mill-Malta Arts Festival li se jsir bejn l-Ewwel u t-18 ta' Lulju li se jinkludi l-Malta Jazz Festival u l-kunċerti minn artisti internazzjonali Laura Pausini, Renzo Arbore u Antonello Venditti.
Il-Malta Jazz Festival din is-sena se jsir bejn id-19 u l-21 ta' Lulju f'Ta' Liesse, fil-Port il-Kbir. L-attrazzjonijiet din is-sena huma Al di Meola u Terri Lynne Carrington.
Il-kantant Taljan Renzo Arbore se jagħti kunċert fit-28 ta' Lulju fl-MFCC, f'Ta' Qali filwaqt li fl-1 ta' Awwissu ukoll fl-MFCC jsir il-kunċert ta' Laura Pausini. Li tibqa' magħrufa għal kanzunetta La Solitudine li biha rebħet il-Festival ta' San Remo fl-1993.
Kunċert ieħor li se jsir matul dan is-Sajf hu dak ta' Antonello Venditti. Dan se jsir fl-24 ta' Awwissu u bħala mistieda speċjali se jkun hemm il-band Maltija Wintermoods.
Dawn huma avvenimenti li se jagħmlu dan is-Sajf wieħed mill-aqwa f'dak li hu spettaklu mużikali u għalihom mistennija jattendu ħafna Maltin u turisti li jkunu f'pajjiżna jew li jiġu apposta biex jattendu dawn il-kunċerti.
|