25 ta' Lulju, 2012
10:43 CET |
L-uffiċjal tal-PN li miegħu Joseph Muscat żvela li Jeffrey Pullicino Orlando kien se jkun fil-mira tal-attakk tal-Partit Laburista lejliet l-aħħar elezzjoni kien l-ewroparlamentari Simon Busuttil.
Kien Simon Busuttil stess li kkonferma li hu kien dik il-persuna li tkellem magħha Joseph Muscat, fejn qal li l-informazzjoni li żvela kienet biżżejjed biex jikkonkludi li Jeffrey Pullicino Orlando kien fil-mira tal-Partit Laburista. Hu għadda l-informazzjoni immedjatament lis-Segretarju Ġenerali ta' dak iż-żmien tal-PN, Joe Saliba.
Din id-diskursata jidher li saret ftit wara li Simon Busuttil u Joseph Muscat ħadu sehem f'dibatittu organizzat mill-Awtorità tax-Xandir waqt titjira minn Malta għal Brussell.
Dan jikkonferma l-istqarrijiet tal-PN f'dawn l-aħħar jiem li sostna li kien il-paroli ta' Muscat li ta biżżejjed informazzjoni biex il-PN jidentifika min kien fil-mira tal-Partit Laburista.
L-ewwel ħjiel minn Muscat ingħata fil-25 ta' Frar 2008 waqt dibattitu bħala parti mill-kampanja elettorali - ħjiel li ssaħħaħ u kien identifikat Jeffrey Pullicino Orlando permezz ta' diskors m'uffiċjal tal-PN, li issa hu magħruf bħala l-ewroparlamentari Simon Busuttil.
F'konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier qal li l-kumment ta' Simon Busuttil jiżdied mal-konfermi l-oħrajn li kien propju Muscat – li għax ġab ruħu ta' big mouth – ġibed it-tapit minn taħt saqajn Alfred Sant u wassal biex il-PN jinduna li kien Jeffrey Pullicino Orlando l-kandidat li kien se jkun fil-mira tal-kampanja Laburista.
Paul Borg Olivier fakkar li s-sehem ta' Muscat biex inkixfet l-istrateġija tal-Malta Labour Party kien żvelat iktar minn erba' snin ilu mill-eks Segretarju Ġenerali tal-PN Joe Saliba. Imma wara erba' snin ta' skiet assolut, f'dawn l-aħħar ġranet Muscat u l-Labour qed jiċħdu dak li qal Joe Saliba.
Ċahda u difiża, kompla Paul Borg Olivier, li tikkuntrasta mhux biss ma' dak li qal Simon Busuttil iżda wkoll ma' dak li qal l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant lill-gazzetta KullĦadd kif ukoll l-eks Segretarju Generali Laburista Jason Micallef li t-tnejn ċaħdu li l-kuntratt tal-Mistra wasal għandhom permezz ta' leak mill-Partit Nazzjonalista.
Muscat, temm Paul Borg Olivier, illum qed jipprova jinnega dak li kien innegabbli lura fl-2008. Il-Malta Labour Party qed isibha diffiċli biex iniżżel dak li qed jintebaħ bih kulħadd – li Muscat big mouth, iħobb jingħoġob ma' kulħadd biex juri kemm jaf, imbaghad – f'atteġġjament ta' tfal żgħar – meta jiġi dahru mal-hajt jipprova jwaħħal f'ħaddiehor.
|