10 ta' Mejju, 2012
19:32 CET |
Il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex joħloq l-aħjar ambjent possibli għan-negozji ż-Żgħar fil-gżejjer Maltin. Permezz ta' diversi skemi li l-Gvern introduċa f'dawn l-aħħar snin, in-Negozji ż-Żgħar f'pajjiżna setgħu jespandu u b'hekk jiġġeneraw aktar impjieg u ġid għall-ekonomija Maltija.
Hekk qal il-Ministru tal-Kompetizzjoni Ġusta, in-Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur, Jason Azzopardi, waqt konferenza tal-Assoċjazzjoni Maltija Għan-Negozji tal-Familja.
Il-Ministru Azzopardi fakkar fl-iskema tal-MicroInvest li biha gawdew 1,045 negozju u sa Marzu li għadda gawdew minn 25 elf ewro kull wieħed fi tnaqqis tat-taxxa. Dawn in-negozji iġġeneraw 247 impjiegi bejnithom li fissru kważi 17-il miljun ewro għall-ekonomija Maltija.
Semma wkoll l-iskema Jeremie. Permezz ta' din l-iskema gawdew 230 negozj żgħar li ngħataw is-somma ta' 23 miljun ewro f'self bejnithom.
Jason Azzopardi fakkar ukoll fit-42 miljun ewro ta' fondi mill-UE li ngħataw lil mijiet ta' negozji żgħar biex jespandu l-operat tagħhom.
Hu semma kif Malta ġiet mfaħħra anke fuq livell Ewropew, mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani li qal li l-iskemi introdotti mill-Gvern Malti għan-Negozji ż-Żgħar huma fost l-aqwa fl-Ewropa.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O’Neill
|