2 ta' Ġunju, 2012
13:47 CET |
Fir-Renju Unit bdew iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali li jfakkru l-ġublew tad-djamanti tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni, 60 sena ta' tmexxija tal-monarkija Ingliża.
L-attivitajiet bdew b'salut mill-HMS Diamond hekk kif kien dieħel fil-port ta' Portsmouth.
L-ewwel impenn uffiċjali taċ-ċelebrazzjonijiet għar-Reġina kien pjuttost wieħed kwiet iżda passatemp favorit tagħha. Hi s-Sibt wara nofsinhar sejra tara t-tiġrija taż-żwiemel tal-Epsom Derby.
Fost l-attivitajiet li hemm preparati għal din iċ-ċelebrazzjoni hemm kunċert kbir li fih se jieħu sehem Elton John it-Tnejn filgħaxija , kif ukoll purċissjoni li tinkludi aktar minn 1,000 dgħajsa fl-Ixmara Thames matul il-ġurnata tal-Ħadd. Dan se jkun l-akbar avveniment tax-xorta tiegħu f'dawn l-aħħar 350 sena.
Dak li qed jiċċelebra r-Renju Unit hu t-tieni ġublew tad-djamanti għal reġina fl-istorja rjali tal-pajjiż. Ir-Reġina Victoria kienet iċċelebratu fl-1897.
F'dawn il-ġranet bosta kienu dawk il-personalitajiet fir-Renju Unit li sellmu lir-Reġina Eliżabetta t-Tieni f'dan l-anniversarju tant importanti. Fosthom anke l-Isqof ta' Canterbury.
U minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet fiċ-ċentru ta' Londra, kienu bosta dawk li għażlu li jiċċelebraw dan il-ġublew tar-Reġina fi djarhom, jew fl-irħula żgħar fir-Renju Unit.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu t-Tlieta wara ċerimonja ta' ringrazzjament f'St Paul Cathedral u wara r-Reġina tinġarr f'karozella sa Buckingham Palace.
|