23 ta' Lulju, 2012
19:32 CET |
Id-Deputat Parlamentari, issa indipendenti, Jeffrey Pullicino Orlando, dalgħodu mar għand l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Michael Frendo u għaddielu ittra li fiha nfurmah uffiċjalment bl-iżviluppi tal-aħħar jiem.
Fl-ittra tiegħu, Jeffrey Pullicino Orlando jinforma lill-Ispeaker li rriżenja mill-PN u nforma lill-Kap tal-Partit Lawrence Gonzi li waqt li għadu jikkunsidrah bħala Prim Ministru ta' Malta, hu ma jiffurmax parti aktar mill-grupp parlamentari tiegħu u ma jikkunsidrax lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bħala li għandu xi forma ta' awtorita' b'rabta mal-azzjonijiet tiegħu fix-xhur li ġejjin.
Pullicino Orlando jagħlaq l-ittra tiegħu lill-Ispeaker b'dikjarazzjoni li l-intenzjoni tiegħu hi li jkompli jservi t-terminu tiegħu fil-Parlament bħala membru Indipendenti.
L-Uffiċċju tal-Ispeaker fi stqarrija li magħha ppubblika din l-ittra, qal li fil-laqgħa ma' Michael Frendo, id-Deputat Pullicino Orlando spjegalu li se jkompli jappoġġja lill-Gvern attwali fil-Parlament sakemm ma jagħmilx dikjarazzjoni xorta oħra għar-rigward ta' xi mozzjoni jew liġi speċifika.
|