maltarightnow.com
23 t' April, 2012
19:41 CET |
Il-Prim Ministru Mark Rutte ippreżenta r-riżenja tal-Gvern lir-Reġina Beatriċe tal-Olanda u fejn witta t-triq formali għal elezzjoni bikrija.
Din kienet l-unika triq 'il barra mill-kriżi li żviluppat wara li l-Partit tal-Ħelsien (PVV) ta' Geert Wilders – sa ftit ilu sostenitur tal-koalizzjoni f'minoranza minkejja li ma kienx jifforma parti minnha – warrab għal taħditiet intiżi biex jitnaqqsu mas-sittax-il biljun ewro mill-baġit nazzjonali. Wilders għamilha ċara li ma kellux jaċċetta d-domandi għall-awsterità biex l-iżbilanċ tal-Olanda tirrispetta l-parametri fissati mill-Unjoni Ewropea.
Ir-rapporti intant qalu li Rutte dam kważi sagħtejn fil-palazz tar-Reġina f'The Hague fejn ikkonferma r-riżenja uffiċjali tal-Kabinett tiegħu. Dan wara li l-Kabinett iltaqa' filgħodu – bis-sehem tal-Partit liberali (VVD) ta' Rutte u d-Demokristjani (CDA) – bil-Ministru tal-Finanzi Jan Kees de Jager itenni r-rieda li juru l-kapaċità biex iressqu politika finanzjarja soda.
Il-VVD u s-CDA – bħala ż-żewġ partiti fil-koalizzjoni – ilhom mill-bidu ta' Marzu jippruvaw jilħqu ftehim dwar il-qtugħ fil-baġit u bl-involviment sħiħ (fit-taħditiet) tal-PVV ta' Wilders. Dan fost tbassir li l-iżbilanċ tal-Olanda għall-2013 għandu jitla' għal 4.7 tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) li hu ħafna ogħla mit-tlieta fil-mija stabbilit mill-UE.
L-Olanda ntalbet tressaq il-miżuri għall-baġit lill-Kummissjoni Ewropea sat-30 ta' April, iżda mhux ċar kemm dan jinvolvi deadline inflessibbli. Min-naħa tiegħu Geert Wilders qed jgħid li l-proposti tal-koalizzjoni għandhom jaffettwaw ħażin lill-ekonomija minbarra li jnaqqsu s-saħħa finanzjarja tal-poplu.
Madankollu hemm l-inkwiet li jekk ifallu t-taħditiet dwar il-baġit, l-Olanda tista' titlef il-credit rating prestiġjuż ta' AAA, bl-imgħaxijiet jitilgħu fuq il-bonds tal-Gvern. Dan meta l-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Kap tas-CDA Maxime Verhagen sostna l-ħtieġa kruċjali li l-Olanda, filwaqt li taħseb fl-elezzjonijiiet ġodda, żżomm il-riedni sodi fuq l-ekonomija u l-finanzi.
|