Dione BORG
4 ta' Mejju, 2012
16:55 CET |
Il-fatt li hemm 1,500 tifel u tifla jattendu fiċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal flimkien mal-kontribut li dawn iċ-ċentri jaghtu fis-soċjeta', kienu fost il-fatturi li wasslu biex ikunu introdotti standards għas-settur tal-kura u l-ħarsien tat-tfal.
Dawn l-istandards tħabbru f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Dolores Cristina u Chris Said li fiha iċ-ċentri li jieħdu ħsieb it-tfal tpoġġew fl-isfond tal-politika tal-Gvern li jkompli jgħin lill-familja toħloq bilanċ max-xogħol.
Il-Ministru Chris Said tkellem dwar ir-riżultati pożittivi li qed tikseb il-politika li biha n-nisa isaħħu r-rwol tagħhom fid-dinja tax-xogħol bil-mira tal-Gvern tkun li sal-2020, ir-rata ta' impjegati nisa tilħaq it-tlieta u sittin fil-mija.
Hu qal li l-inizjattivi li ntroduċa l-Gvern wasslu biex 13,500 mara baqgħu jaħdmu waqt li fl-aħħar ħames snin in-numru ta' nisa li jaħdmu żdied bi 8,300. Bejn Jannar u Diċembru tal-2011, l-ETC sabet 1,500 post tax-xogħol lil nisa.
Il-Ministru Said appella biex is-settur privat igawdi aktar minn dawn l-iskemi. Hu semma wkoll il-benefiċċju minn taxxi doppji fejn il-koppja tibqa' taħdem u fakkar ukoll li l-Gvern żied ukoll il-leave tal-maternita' ghal 18-il ġimgħa.
L-iskema li biha n-nisa ommijiet kienu mħeġġa jirritornaw fuq il-post tax-xogħol wasslet biex 10,000 omm gawdew minn tnaqqis ta' €12-il miljun f'taxxa.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina tkellmet dwar l-importanza taċ-Child Care Centres u qalet li bejn l-2007 u l-2011 in-numru ta' dawn iċ-ċentri tela' minn 26 ghal 53 waqt li hawn 15-il ċentru ieħor li huma reġistrati temporanjament.
Erbatax-il ċentru li jieħdu ħsieb it-tfal gawdew ukoll minn nofs miljun ewro f'fondi miksuba mill-fondi Ewropej. Dan kollu wassal biex f'ħames snin sal-2011, in-numru ta' tfal jattendu fiċ-ċentri żdied minn madwar 300 għal 1,500.
Il-Ministru Cristina qalet li l-istandards introdotti huma meħtieġa biex tkompli titjieb il-kwalita' tas-servizzi offruti f'dan is-settur tant importanti għas-soċjeta'.
|