maltarightnow.com
23 t' April, 2012
19:01 CET |
In-Nursery tal-Klabb tal-futbol ta' San Ġwann se jingħata biċċa art b'devoluzzjoni biex jinbnew dressing rooms u faċilitajiet oħra fl-istess klabb li jilqa' fih numru kbir ta' tfal kemm minn din il-lokalita u anke minn lokalitajiet oħra. Dan filwaqt li biswit l-iskola primarja, il-Gvern se jibni Day Care Centre u Kindergarten bħala estensjoni tagħha. Dan tħabbar mill-Ministru tal-edukazzjoni u x-xogħol Dolores Cristina kif ukoll mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino.
Dan il-proġett edukattiv-sportiv se jsir wara talba mill-klabb ta' San Ġwann, u wara li l-Ministeri ħassew il-bżonn li din il-biċċa art mhux żviluppata tingħata lill-Klabb. Permezz ta' din il-binja, li l-Ministru Pullicino spjega li se tkun qiegħda fuq tliet livelli lkoll b'faċilitajiet differenti, it-tfal ikunu jistgħu jixprunaw fil-qasam sportiv u li anke jgħinhom fl-edukazzjoni tagħhom. Hu żied jgħid li l-għajnuna li l-Ministeru ta s'issa kienet b'mod tekniku fit-tfassil tal-pjanti u għajnuna oħra se tkun ta' skavar u materjali oħra. Dan filwaqt li hemm pjanijiet t'għajnuna oħra mill-Gvern u mill-MFA b'fondi mill-UEFA.
Il-Ministru Cristina semmiet li t-trasferiment ta' din l-art lill-Klabb ta' San Ġwann se tkun il-130 biċċa art li l-Gvern għadda lil xi għaqda sportiva li b'kollox jiswew €48 miljun. Qalet ukoll li din is-sena, l-għaqdiet sportivi qed igawdu minn 26 skema t'assistenza u pakkett rekord ta' €8 miljun.
Permezz ta' inizjattivi bħal dawn ikompli jidher l-impenn tal-Gvern favur il-promozzjoni tal-isport u l-ġid tat-tfal Maltin u Għawdxin.
|