maltarightnow.com
23 t' April, 2012
19:42 CET |
L-armata tar-reġim immexxi mill-President Bashar al-Assad qatlet għexieren ta' nies ġodda fl-inħawi ta' Hama u wara ġimgħa ta' kwiet relattiv f'din il-belt li fil-jum ta' qabel laqgħet lill-osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fis-Sirja, bħalissa, hemm grupp żgħir ta' osservaturi li qed jieħdu nota tal-iżviluppi wara l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-qawwiet ta' Assad u l-avversarji lokali li jridu jiftħu paġna ġdida u demokratika għal pajjiżhom.
L-istess osservaturi qed iħejju għal missjoni akbar li ssostni l-ftehim iżda l-aħħar qtil f'Hama jenfasizza kemm hu diffiċli li jieqfu għal kollox il-battalji tas-Sirja li ilhom għaddejjin tlettax-il xahar u li swew il-ħajja ta' 9,000 ruħ.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU approva l-espansjoni tal-missjoni għal 300 osservatur iżda l-avversarji ta' Assad jinsistu li dan in-numru xorta hu żgħir wisq biex ilaħħaq mal-iżviluppi tal-kriżi fil-pajjiż ta' 23 miljun. Dan, meta l-ġlied fis-Sirja qed ikompli minkejja l-kummenti mill-Gvern ta' Assad li se jirrispetta l-ftehim filwaqt li jirtira t-truppi miċ-ċentri tal-popolazzjoni.
|