23 ta' Lulju, 2012
20:20 CET |
Hekk kif ilbieraħ James Holmes tressaq il-qorti għall-ewwel darba biex jiġi akkużat formalment bil-massakru tal-ġimgħa li għaddiet f'sala taċ-ċinema f'Aurora f'Denver, il-pulizija għadhom ma jafux x'wassal għal dan il-ġest. Jekk hu jinstab ħati qed jissogra li jingħata l-piena tal-mewt.
Hemm indikazzjonijiet li hu seta' kellu problemi mentali, partikolarment wara li meta kien arrestat qal lill-Pulizija li kien The Joker, il-kattiv ewlieni fis-serje ta' Batman, kif ukoll taħt arrest baqa' jirrexta din il-parti u qed jirrifjuta li jikkoopera.
Il-pulizija tidher li qed teskludi għalkollox li kellu kompliċi wara li kien hemm xi xhieda li qalu li aktarx kien irċieva telefonata ftit qabel ma fetaħ in-nar.
Nhar il-Ħadd, mar f'Aurora l-Presdient Amerikan Barack Obama li esprima sogħba mal-qraba tal-vittmi. Pulizija qalu li fl-appartament tiegħu, apparti diversi nasbiet bil-bombi u kwantità ta' munizzjoni, kien hemm ukoll kważi 40 litru ta' gass lest biex jisplodi.
Holmes, li għandu 24 sena, kien qed jistudja għal PhD fix-xjenża fl-Università ta' Colorado iżda f'Ġunju rtira mill-kors u r-raġuni għadha mhux magħrufa. L-Università qalet li Holmes ma ta ebda raġuni għaliex irtira.
Sadattant uffiċjali f'Denver qed jirrifjutaw li jsemmgħu isem il-qattiel f'ċerimonji ta' tifkira biex ma jagħtux pubbliċità.
|