MaltaRightNow.com sezzjoni: aħbarijiet lokali
aħbarijiet
Punti ewlenin 
Aħbarijiet Lokali
Internazzjonali
Arti, Divertiment u Kultura
Edukazzjoni
Ekonomija
Ewropa
= Features =
Avviżi ELCOM
Għawdex
Knisja
Kunsilli Lokali
Kurżitajiet
Librerija
Parlament
Qorti
Saħħa
Xjenza u Teknoloġija
sport
Olimpjadi 2012
Futbol Ieħor
Futbol Taljan
Futbol Lokali
Futbol Ingliż
Sport Ieħor
In-Nazzjon
Download
Life & Style
Download
Aħbarijiet Lokali

Il-PN jemmen fil-kapaċitajiet tan-nies

Gabriel ELLUL
18 ta' Lulju, 2012  09:56 CET

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien dak il-partit li emmen fil-kapaċitajiet tan-nies. Sostna dan il-perit u Deputat Nazzjonalista Joe Falzon, f'intervista ma' dan is-sit, li matulha spjega u tkellem dwar x'ħajru jibda l-ħidma politika tiegħu u l-mod kif uża din l-opportunità għall-ġid ta' Malta.

Kif bdejt il-karriera politika tiegħek?

Kważi lanqas naf nispjega kif bdejt il-ħidma politika tiegħi. Biss, meta nħares lura niftakar kif kont bdejt ninvolvi ruħi fil-politika permezz tas-sehem tiegħi fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN). 

Kont nokkupa l-kariga ta' Segretarju Ġenerali ta' dan il-Moviment, fejn kelli l-opportunità naħdem flimkien ma' Lawrence Gonzi, li dak iż-żmien kien is-Segretarju Ġenerali tal-partit. Fil-fatt, hu kien ħeġġiġni ħafna biex inkompli l-ħidma tiegħi fil-politika. Dan kollu seħħ fil-perjodu bejn l-1997 u l-1998.

F'Marzu tas-sena 2000 kont ħrigt bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fuq il-lokalità tal-Imsida, fejn ġejt elett. Dan kien għamilli kuraġġ kbir. Wara, ikkontestajt l-elezzjoni ġenerali tal-2003, elezzjoni li kienet speċjali ħafna għax wasslet biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Kien proprju f'din l-elezzjoni li kont ġejt elett għall-ewwel darba, fatt li kompla jagħmilli kuraġġ, anke minħabba li nemmen li d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea jibqa' wieħed mill-akbar kontributi li l-Partit Nazzjonalista ta lil Malta. Kont ikkontestajt ukoll l-elezzjoni tal-2008, li fiha ġejt elett għat-tieni darba, biex b'hekk qiegħed inservi wkoll f'din il-leġiżlatura.

X'inhi dik l-okkażjoni ta’ ferħ li spikkat matul il-karriera politika tiegħek?

Għalija diġà kienet okkażjoni ta' ferħ kbir li nkun elett f'elezzjoni importanti bħal dik tal-2003. Iktar minn hekk, f'dik il-leġiżlatura, jiena kont l-iżgħar deputat – kelli biss 29 sena. Għalhekk kelli l-privileġġ li nerġa' niftaħ il-Parlament u nagħmel l-ewwel diskors. Din għalija kienet esperjenza sabiħa ħafna, speċjalment minħabba li tatni l-opportunità li naħdem flimkien mal-mibki Fr Peter Serracino Inglott, li għenni nfassal id-diskors tiegħi. Nieħu din l-opportunità biex insellem il-memorja tiegħu.

X’tikkummenta dwar il-ħidma tiegħek fl-ewwel leġiżlatura li servejt fiha?

Wara li għamilt l-ewwel diskors tal-Parlament, il-Prim Ministru għażilni biex nibda nagħti sehem attiv fil-Kunsill tal-Ewropa, bħala membru tad-delegazzjoni Maltija fi ħdan dan il-Kunsill. 

Bdejt naqdi dan ir-rwol proprju fl-2003, meta l-Prim Ministru ħatarni wkoll bħala l-Assistant Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. 
Għalhekk, permezz ta' din il-kariga, bdejt nipparteċipa wkoll fil-Kumitat tal-Affarijiet tal-Kamra, fejn għandi rwol li ngħin fit-tfassil tal-aġenda tal-Parlament.

Minbarra s-sehem tiegħi f'dan il-kumitat, fl-ewwel leġiżlatura tiegħi involvejt ruħi fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, kumitat li nieħu gost ħafna naħdem fih. 

F'dan ir-rigward, fil-leġiżlatura tal-2003 kont mexxejt ukoll delegazzjoni Maltija li żaret ir-Renju Unit, biex naraw kif inkomplu nimplimentaw il-proċeduri parlamentari neċessarji, kif mitluba wara s-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Dan kollu minbarra li bdejt nagħti s-sehem tiegħi fil-Kumitat ta' SmartCity, jew inkella l-Kumitat tar-Riżoluzzjonijiet tal-Artijiet, li permezz tiegħu l-Gvern jiddedika l-art tiegħu għal bżonnijiet partikulari, fosthom dawk sportivi.

X’jispikka fil-ħidma tiegħek f'din il-leġiżlatura, li hi t-tieni waħda tiegħek?

F'din il-leġiżlatura komplejt naħdem fil-qafas internazzjonali, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol tiegħi bħala membru fil-Kunsill tal-Ewropa. Għalkemm ili membru ta' din id-delegazzjoni mill-2003, nemmen li tajt l-ikbar kontribut tiegħi fiha permezz ta' ħidmieti f'din il-leġiżlatura, mill-2008 s'issa. 

Fil-Kunsill tal-Ewropa, fl-2010 ġejt elett bħala Chairman tal-Kumitat għall-Iżvilupp Sostenibbli – rwol li offrieli l-opportunità li naħdem fil-professjoni tiegħi bħala perit, filwaqt li nenfasizza s-sitwazzjoni partikulari li għandna f'Malta. 

Malta hi pajjiż uniku, fis-sens li ma jeżisti l-ebda pajjiż li minkejja ċ-ċokon tiegħu, għandu popolazzjoni daqstant għolja u jilqa' fih għadd kbir ta' turisti fis-sena. Dan kollu jgħinni nifhem iktar il-kunċett ta' sostenibbiltà, fatt li għenni biex naħdem iktar f'dan il-kumitat internazzjonali.

Kif żvolġiet il-ħidma tiegħek fil-Kumitat tal-Kunsill Ewropew?

Flimkien ma' pajjiżi barranin, wettaqna ħidmiet kbar f'dan il-kumitat. Biżżejjed insemmi n-numru ta' fora li ġew organizzati biex ikompli jitħeġġeġ spirtu li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, kemm fl-Ewropa, kif ukoll barra mill-kontinent. 

Fil-proġetti ta' dan il-kumitat indirizzajna l-problema tal-bidla fil-klima, filwaqt li enfasizzajna wkoll fuq l-importanza tal-ilma. 

Jispikkaw ukoll laqgħat li d-delegazzjoni Maltija kellha ma' persuni ta' kariga għolja, fosthom il-Prinċep ta' Monaco. Dan kollu għen biex nibnu relazzjoni tajba mal-pajjiżi barranin, bl-għan li dan jgħin biex ikollna żvilupp li jħares l-ambjent.

X’tikkummenta dwar il-ħidma tiegħek fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kultura, id-Diversità u l-Wirt fil-Kunsill Ewropew?

F'din l-aħħar sena ġejt elett ukoll bħala Chairman tal-Kumitat dwar il-Kultura, id-Diversità u l-Wirt fi ħdan il-Kunsill Ewropew, rwol li permezz tiegħu naħdem mhux biss b'risq il-wirt kulturali Ewropew iżda anke nindirizza problemi f'dan il-qasam f'pajjiżi barra mill-Ewropa. Permezz ta' din ir-responsabbiltà, qed ikolli ċ-ċans li nsir naf b'organizzazzjonijiet oħra, fosthom l-organizzazzjoni ‘Europa Nostra’, li taħdem ukoll biex tippromwovi u tippreserva l-wirt kulturali Ewropew. L-isforzi tiegħi bħala Chairman ta' dan il-kumitat qed ikunu indirizzati biex insaħħu l-ħidma bejn din l-organizzazzjoni u l-Kunsill Ewropew, speċjalment minħabba li s-sena d-dieħla ‘Europa Nostra’ se tfakkar 50 sena mit-twaqqif tagħha.

Din il-ħidma tiegħek fil-qafas internazzjonali, b’liema mod tolqot lil Malta?

Bħalissa qed nara kif insib parteċipanti biex jgħinuni nippromwovi l-kunċett ta' wirt kulturali fost il-Maltin. Aħna l-Maltin għandna wirt kulturali kbir, mhux biss minħabba li pajjiżna joffri wirt li jkopri iktar minn 7,000 sena ta' storja, iżda anke minħabba n-numru kbir ta' postijiet distinti li ssib f'pajjiżna. Biżżejjed wieħed isemmi l-proġetti kollha ta' restawr li qed isiru f'pajjiżna, fosthom restawr fuq is-swar, fil-bliet u restawr ta' fortifikazzjonijiet. Insemmi wkoll il-qalba tal-villaġġi tagħna, li huma wirt kulturali fihom infushom. Għalhekk dan ix-xogħol ta' restawr hu siewi ħafna u jien determinat li dan ikompli jsir fis-snin li ġejjin.

Minbarra l-ħidma tiegħek barra minn xtutna, x’tikkummenta dwar il-ħidma li qiegħed tagħmel f’pajjiżna?

Il-ħidma tiegħi f'Malta tieħu dimensjoni kompletament differenti. Nemmen li l-ħidma tal-politiku f'Malta għandha tkun immirata biex tisma' lin-nies, li żżurhom fi djarhom, li tistinka biex taqdi l-aspirazzjonijiet tagħhom. Nemmen li dan jgħin biex inkomplu noħolqu x-xogħol, insaħħu l-edukazzjoni u ntejbu l-ambjent ta' madwarna, li huwa l-ġojjell ta' pajjiżna. Dan tal-aħħar jorbot ukoll mas-sostenibbiltà, li diġà semmejt, u li hi kruċjali għall-iżvilupp ta' pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, għaliex dejjem emmint fil-Partit Nazzjonalista?

Fil-politika Maltija hemm żewġ estremitajiet. Il-Partit Nazzjonalista dejjem fittex li jwettaq politika li tafda lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-kapaċitajiet tan-nies u nemmen li l-Partit Nazzjonalista kkontribwixxa għall-ġid tal-pajjiż għax dejjem ħejja dawk l-għodod neċessarji biex il-Malti jirnexxi, biex il-Malti jkollu x-xogħol u l-edukazzjoni li tixraqlu. Il-Partit Laburista, min-naħa l-oħra, dejjem naqas milli jafda l-pajjiż. Bl-aġir tal-Partit Laburista, bil-politika tiegħu, diffiċli li jaħdem biex jispira l-poplu, biex il-poplu Malti jkompli jtejjeb il-qagħda tiegħu.

Il-professjoni tiegħek ta’ perit b’liema mod tgħinek fil-politika?

Il-ħidma professjonali tiegħi tgħinni ħafna biex inwettaq id-dmirijiet politiċi tiegħi. Qabel kollox, il-professjoni tiegħi toffrili kuntatt dirett man-nies, li permezz taż-żjarat tagħhom biex naqdihom bħala perit, ikunu jistgħu jkellmuni wkoll dwar il-problemi tagħhom. Iktar minn hekk, nara xebh kbir bejn il-ħidma tal-perit, li joħloq disinn fuq l-idea tal-klijent, u l-ħidma tal-politiku, li jwettaq ħidma biex jaqdi l-aspirazzjonijiet tal-poplu. Fl-aħħar mill-aħħar, kemm il-perit kif ukoll il-politiku għandhom jaħdmu biex jagħmlu lin-nies iktar kuntenti.

Il-ħidma tiegħek b’liema mod teffettwalek il-ħin liberu tiegħek?

Minħabba l-impenji kollha tiegħi, għandi inqas ħin liberu, inqas ħin mal-familja. Fil-ħidma tiegħi jkolli ħafna safar. Dan fih il-vantaġġi tiegħu, għax jgħinek tifhem iktar il-mod kif taħdem id-dinja, minn lenti internazzjonali. Madankollu, fih l-impenji tiegħu, speċjalment minħabba li jeħodlok ħafna ħin. Nixtieq li nqatta' iktar ħin mal-familja. Biss, nagħmel li nista' biex mill-ftit ħin li għandi ngawdi lill-familja tiegħi kemm jista' jkun. Kull filgħodu nwassal lit-tfal tiegħi l-iskola u filgħaxija, għalkemm nasal tard, nieħu ħsieb li nieħu l-opportunità li nkellimhom u nqatta' xi ħin mal-familja. Hu proprju fi tmiem il-ġurnata li huma jiġu jiġru jilqgħuni d-dar. Dan għalija hu l-aħjar mument tal-ġurnata. Fil-ftit ħin liberu li jkolli, insegwi u nilgħab il-futbol. Iktar minn hekk, fi tmiem il-ġimgħa, speċjalment fis-sajf, nipprova nieħu lill-familja tiegħi Għawdex, għal jumejn ta' mistrieħ.

Tixtieq tkompli tkun attiv fil-politika fis-snin li ġejjin?

Iva, il-politika hi ta' sodisfazzjon kbir għalija. Fl-aħħar mill-aħħar, il-karriera politika ta' kull individwu tiddependi kompletament mill-fiduċja tan-nies u nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li fdaw fija matul il-karriera politika tiegħi. Għalkemm il-politika fiha l-isfidi kontinwi tagħha, meta nirċievi ringrazzjament mingħand dawk li għent permezz tal-ħidma politika tiegħi, inħossni inkoraġġut u ispirat biex inkompli nkun ta' servizz għall-oħrajn.

Bookmark Print page Email page
Il-PN jemmen fil-kapaċitajiet tan-nies
Aktar aħbarijiet f'din il-kategorija
'Malta Tagħna Lkoll', imma għal xi uħud iktar
Anzjan fil-periklu tal-mewt wara ħabta f'Tal-Barrani
Irrid nkunu sensittivi għall-bidliet li qed iseħħu - Claudette Buttigieg
Iġġudikawni fuq dak li għamilt - Beppe Fenech Adami
Il-PN irid jagħti importanza lin-Nofsinhar ta' Malta - Mario de Marco
iktar aħbarijiet
13:48 Ir-rikors kostituzzjonali fuq it-tmienja u t-13 il-Distrett
12:37 'Malta Tagħna Lkoll', imma għal xi uħud iktar
12:01 Malta għandha ekonomija reżiljenti, sistema bankarja b'saħħitha u rata baxxa ta' qgħad
11:43 Detentur tal-liċenzja tax-xogħol tan-nar mhux ħati li kkawża ġrieħi gravi fuq tifel
09:00 Anzjan fil-periklu tal-mewt wara ħabta f'Tal-Barrani
21:16 Irrid nkunu sensittivi għall-bidliet li qed iseħħu - Claudette Buttigieg
21:02 Iġġudikawni fuq dak li għamilt - Beppe Fenech Adami
21:00 Il-PN irid jagħti importanza lin-Nofsinhar ta' Malta - Mario de Marco
20:27 Roberta Metsola ssejjaħ għall-azzjoni effettiva u konkreta
20:25 Il-Gvern jaħfer €9 miljun lill-BWSC
Editorjal

Paranoia Laburista mill-media u t-teknoloġija

Paranoia Laburista mill-media u t-teknoloġija
Opinjoni

Għalfejn taħseb li l-PN tilef l-elezzjoni? Iftaħ hawn biex tirrispondi.