maltarightnow.com
23 t' April, 2012
19:49 CET |
Il-Korea ta' Fuq Komunista wissiet dwar azzjoni mingħajr preċedent fil-konfront tat-tmexxija tal-Korea t'Isfel, fost tensjoni akuta bejn il-ġirien. It-theddid jidher li rranka ftit jiem wara rally tal-Koreani Komunisti meta wħud kienu sejħu għall-mewt tal-President tal-Korea t'Isfel Lee Myung-bak.
Il-militar tal-Korea ta' Fuq qed jhedded li jibda dalwaqt operazzjoni speċjali intiża biex tirriduċi l-miri fi 'rmied', u l-Korea t'Isfel, jiem qabel, ikkonfermat li għandha aktar missili standby għal kontra l-ġar. Fil-fatt, dawn il-missili jistgħu jwasslu sa elf kilometru u kapaċi jolqtu kwalunkwe waħda mis-siti nukleari u missilistiċi ta' Pyongyang.
Sadattant, ir-retorika iebsa min-naħa tar-reġim Komunista ma battietx u l-Koreani ta' Fuq ikkritikaw direttament lill-President Lee Myung-bak, lill-Ministeru tad-Difiża f'Seoul, u wkoll lill-analisti u x-xandara talli qerdu l-opinjoni pubblika xierqa. Dan fost it-twissijiet dwar l-azzjonijiet speċjali ġodda mill-qawwiet armati Komunisti kontra l-gruppi tat-tradituri.
Il-Korea ta' Fuq qed tidher aktar aggressiva mis-soltu wara li fit-13 ta' April fallitilha l-prova tar-rokit li kienet fissret bħala tentattiv biex ittella' satellita fl-orbita.
Il-Punent, intant, qed jixli lill-Koreani Komunisti talli riedu jippruvaw it-teknoloġija missilistika pprojbita bl-iskuża tal-prova filwaqt li Pyongyang qed jirreaġġixxi b'qawwa speċjali għall-kritika partikulari min-naħa tal-Korea t'Isfel.
Fil-preżent, Kim Jong-Un, li nannuh, (l-ewwel President) Kim Il-sung kien waqqaf l-Istat Korean Komunista, qed jikkonsolida l-poter fi Pyongyang meta pajjiżu ilu għaddej bid-diżgwid profond mal-Korea t'Isfel mindu Lee Myung-bak assuma t-tmexxija f'Seoul fl-2008.
Il-Komunisti ilhom ix-xhur urtati bil-kbir talli l-gvern ta' Lee rabat l-għajnuna fil-forma ta' ikel (bħala għotjiet 'tradizzjonali') lill-ġar mal-progress min-naħa tar-reġim fi Pyongyang rigward id-diżarm nukleari.
|