22 ta' Mejju, 2012
18:03 CET |
Fil-ġuri ta’ erba’ rġiel akkużati bl-attentat ta’ qtil fl-istabbiliment Fuego, f’ Paċeville ħames snin ilu fil-konfront ta’ Felix Idisi Oduh, ta’ nazzjonalità Sudaniża, Felix Barbara li dak iż-żmien kien jaħdem bħala Night Manager mal-istess stabbiliment Fuego qal li tnejn mill-erba persuni li qalgħu pandemonju għax ma daħlux il-Fuego bdew isawwtu bil-qawwa kollha lil wieħed mill-bouncers, akkużati bl-attentat ta’ qtil.
Barbara qal li l-enerġija li kellhom tlieta minnhom kienet waħda ta’ barra minn hawn fejn dawn saħansitra bdew jissussaw mal-grada tal-Fuego meta hu u l-bouncers kienu ġewwa. Felix Barbara kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Michael Mallia fejn Anthony Azzopardi ta’ 32 sena mill-Ħamrun u residenti Buġibba, Roderick Attard ta’ 27 sena mill-Kalkara, David Bonello ta’ 53 sena mill-Għargħur u Charlton Abela ta’ 30 sena minn Bormla, huma akkużati b’attentat ta’ qtil ta’ Felix Idisi Oduh, ta’ nazzjonalità Sudaniża.
L-irġiel qegħdin jiġu akkużati li ħanxru għonq il-vittma b’daqqa ta’ flixkun imkisser.
L-erba’ rġiel qegħdin jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw offiża ħafifa fuq Oloni Lucky, li huwa Niġerjan. Quddiem l-Imħallef Michael Mallia, huma qed jiġu akkużati li fl-24 ta’ Ġunju 2007, f’Paċeville, għall-ħabta tas-1.30 a.m., bil-ħsieb li jagħmlu delitt u bil-ħsieb li joqtlu persuna jew li jqiegħdu l-ħajja tiegħu f’periklu ċar.
Barbara qal li dak inhar kien fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Fuego u Anthony Azzopardi infurmah li kien hemm erba’ minn nies li riedu jkellmuh, tfajla Ingliża u tliet irġiel ta’ karnaġjon skur. Dawn bdew jipprotestaw għaliex ma tħallewx jidħlu l-Fuego, bdew jitkellmu ħażin u saħansitra lejn tmiem din il-ġlieda bdew jitfgħu l-fliexken fid-direzzjoni tagħhhom.
Felix Barbara qal li hu flimkien mal-erba’ bouncers għamlu Katina biex jippruvaw joħorġu l-barra lil Lucky, Felix u persuna oħra li ma jafx min hi. Waqt li saret din il-katina Lucky ġibed lil Roderick Attard miegħu, b’Lucky ma jindunax li hemm tarġa warajh u waqa, u miegħu ġibed lil Attard.
Barbara qal li Lucky qabad lil Roderick Attard ħadhu faċċata fejn kien hemm l-imwejjed tal-istabbiliment Nero u xeħtu fuq mejda minnhom. Lucky u r-raġel l-ieħor bdew jagħtuh bil-ponn u bis-sieq. Sadanittant Felix kien waddab flixkun lejn Roderick Attard ftit qabel ma dan beda jaqla’ u ntlaqat f’rasu u spiċċa b’xi ġrieħi.
Barbara qal li Lucky kien l-aktar wieħed li beda jisfidahom għal ġlied. Qal li dan sa anke neża’ l-arloġġ u qabad il-kartiera u tahom lit-tfajla Ingliża li kienet magħhom, mossa li tfisser li beda jisfidahom għal ġlied. Ix-xhud qal li kien hu li ċempel lill-Pulizija darbtejn, Qal ukoll li Attard kien fortunat li ma spiċċax agħar peress li kellu rasu mat-tarġa tan-Nero u dak il-ħin beda jaqla’ bla ħniena.
Barbara kompla jgħid li l-aggressuri ma riedux jieqfu u dan meta ħadd ma refa’ jdejh fuqhom. Huwa qal li anke l-Ingliża li kienet magħhom bdiet titkellem ħażin. Tenna wkoll li dawn bdew jgħajjruhom razzisti, u dan meta mal-Fuego kien jaħdem Niġerjan li kellu salarju ta’ Lm700 fil-ġimgħa. Ix-xhud qal li l-aggressuri waqqfu biss mill-attakk tagħhom meta waslu l-Pulizija.
L-erba’ rġiel qegħdin jiġi akkużati wkoll li ħebbew kontra persuni biex jinġurjawhom jew jagħmlulhom il-ħsara, kif ukoll li volontarjament kisru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. L-Avukat Ġenerali qed jakkużahom b’Ħames Kapi ta’ Akkuża u qed jgħid li Felix Idisi Oduh u xi ħbieb tiegħu, fosthom Oloni Lucky u Catherine Graham, Ingliża ta’ 25 sena, marru fl-inħawi tal-Bajja ta’ San Ġorġ fejn xtaqu jidħlu fl-istabbiliment Salsa Bar bl-isem tal-Fuego, fi Triq Santu Wistin. Dak inhar bħala “bouncers” kien hemm jaħdmu l-akkużati. Mal-bieb dak il-ħin li kienu se jidħlu fl-istabbiliment kien hemm l-akkużati Anthony Azzopardi u Roderick Attard.
Minn dan il-grupp żgħir li kien magħhom Felix, l-ewwel ma’ daħlet fl-istabbiliment kienet Catherine Graham, li baqgħet dieħla mingħajr problemi, Lucky u Felix ma tħallewx, anzi twaqqfu minn Anthony Azzopardi.
It-Tlieta wara nofs inhar inqrat ix-xhieda ta’ Lucky u t-tfajla Ingliża filwaqt li l-Erbgħa filgħodu mistenni jixhed Felix li kważi ħames snin ilu kien f’xifer il-mewt.
Għal l-erba’ akkużati qegħdin jidhru l-Avukati Joseph Giglio, Gianella Demarco u Stephen Tonna Lowell. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Aaron Bugeja u l-Avukat Philip Galea Farrugia f’isem l-Avukat Ġenerali
|