Jerome Caruana Cilia
18 ta' Lulju, 2012
09:26 CET |
Tribali u l-grupp popolari Ingliż Smokie se jkunu fost mistednin li se jagħtu divertiment f'atmosfera unika waqt l-Għaxaq Music Festival 2012 li hu mifrux fuq ħamest ijiem: mit-3 sas-7 ta' Awwissu. Dan tħabbar waqt konferenza stampa fil-lukanda Fortina f'Tas Sliema. Din hija r-raba' darba li l-qligħ kollu tal-attivita' se jmur għal Puttinu Cares.
Din is-sena se jkun hemm xelta vasta: minn għannejja sa mużika moderna. Fil-fatt fit-3 ta' Awwissu se ssir serata kbira ta' Għana fil-pjazza ta' Ħal Ghaxaq. Fost l-għannejja nsibu lil Karmenu is-Superstar u t-tifel Ronaldo. Se ssir ukoll fatt minn żeppi Spagnol il-Kelba.
Fl-4 ta' Awwissu mbagħad se jkun hemm Dj Ryan Spiteri se jagħmel 90s set ta 3 sieghat sħaħ live fil-pjazza ta' Ħal Għaxaq li jibda mit-8 ta' filgħaxija.
Fil-5 ta' Awwissu mbagħad se titella' serata ta' ikel u kant kollu kemm hu minn talent lokali. Se jieħdu sehem diversi gruppi ta' żfin, Bands lokali u kantanti kemm talenti ġodda u oħrajn magħrufa bħal Thea Garret, Hooligan u Glenn Vella fost oħrajn.
Il-festival mużikali ta' din is-sena se jibda bis-sehem ta' waħda mill-aktar bands popolari fost il-Maltin – Tribali. Wara s-suċċess kbir li kellhom is-sena l-oħra f'Ta Qali, Tribali se jersqu għall-ewwel darba lejn in-naħa t'isfel ta' Malta u se jdoqqu b'risq Puttinu Cares fil-grawnd ta' Ħal Ghaxaq. Qabel il-kunċert ta' Tribali se jkun hemm Dj Pierre Cordina li huwa d-DJ uffiċjali tal-MTV, filwaqt li wara l-kunċert ser ikollna dj set live mid-DJ ta' fama Carl Bee.
Il-grupp popolari Ingliż Smokie li kiseb suċċessi internazzjonali ser ikun qed jagħti spettaklu mużikali live nhar it-Tlieta 7 ta' Awwissu. B'suċċessi kbar bħal Living Next Door to Alice u How to Love Me u b'karriera twila ta' wirjiet mużikali madwar l-Ingilterra u l-Ewropa, dan il-grupp huwa wieħed mill-aktar grupp popolari madwar id-dinja.
Il-kunċerti kollha se jkunu bla ħlas, iżda l-pubbliku se jkun imħeġġeġ jagħti donazzjoni li se tmur kollha b'risq Puttinu Cares. Dr Victor Calvagna, ko-fundatur ta' Puttinu Cares qal li l-flus li se jinġabru f'din l-attività se jkunu qed jgħinu lis-support group biex jinbnew flats fl-Ingilterra.
L-Għaqda mużikali Santa Marija ta' Ħal Ghaxaq hija soċjeta' li tħabrek bis-sħiħ biex tkun minn ta' quddiem nett fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti mużikali li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isiru popolari fost il-Maltin.
|