Hermann MICALLEF
24 t' April, 2012
15:56 CET |
Il-Gvern għandu għall-qalbu s-settur tar-raħħala li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jinvestu u jimmodernizzaw ħalli jkomplu jipproduċu prodotti friski u ġenwini għall-konsumatur Malti.
Dan sostnieh il-Prim Ministru u Kap tal- Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi meta żar ir-razzett ta' Kristinu Azzopardi u l-familja tiegħu fir-Rabat bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-PN għal Jum il-Ħaddiema, bit-tema 'PN Xogħol Għalik u għal Uliedek'.
Il-Prim Ministru qal li permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern alloka flus mill-fondi nazzjonali u fondi mill-Unjoni Ewropea biex jgħin lis-settur tar-raħħala u s-sajjieda.
Il-Gvern uża fondi mill-UE u, flimkien mal-investimenti li għamlu r-raħħala stess, ra sistemi li jikkompetu tajjeb ħafna ma' l-aqwa sistemi li hemm barra minn Malta.
Il-Prim Ministru, li kien akkumpanjat fost l-oħrajn mill-Avukat Alex Perici Calascione, segwa l-proċess tal-ħlib tal-baqar.
Lawrence Gonzi rrikonoxxa l-kontribut siewi li jagħtu r-raħħala u appezza l-isfidi kbar li jidħlu għalihom biex jagħtu l-iprem prodott lill-konsumatur. Il-Prim Ministru faħħar lil Kristinu Azzopardi, magħruf bħala Ta' Xmun, u lil uliedu Louis u Rene' għas-sagrifiċċji li jagħmlu ta' kuljum biex jieħdu ħsieb il-merħliet ta' baqar u għoġġiela li jammontaw għal madwar 400.
Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern reġa' raħħas il-bolla li jħallsu r-raħħala, l-istess kif għamel mal-bdiewa u mas-sajjieda. Lir-raħħala traħsitilhom il-bolla bi 3% biex tittaffa parti mill-ispejjeż tagħhom li jinvolvu miljuni ta' ewro.
Ix-xewqa ta' Kristinu hi li jintgħażel mill-iskema 121 ta' Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali l-ERDF biex ikun jista' jibni tinda għall-baqar li jkunu se jwelldu.
|