Edward M. Camilleri
29 ta' Ġunju, 2012
14:36 CET |
Fil-ġonna tal-Buskett saret il-fiera tradizzjonali tal-Imnarja organizzata mis-Soċjeta' Agrarja fl-okkazjoni tal-festa ta' San Pietru u San Pawl.
Bħal ma jiġri kull sena, dawn il-ġonna kienu miżgħuda b'mijiet ta' Maltin u turisti li attendew għal dawn l-attivitajiet, li fost oħrajn kienu jinkludu ikel u xorb tradizzjonali kif ukoll daqq tal-għana.
Minkejja dan, għal darb' oħra din il-fiera kienet karatterizzata bil-ħaxix u l-bhejjem li l-bdiewa u r-raħħala rabbew b'tant ħila tul din is-sena.
Fil-fatt, kemm il-President ta' Malta George Abela u l-Assistent Parlamentari Philip Mifsud kellom kliem ta' tifħir għall-eżibituri, li għal darb' ohra wrew it-tjubija tal-prodott Malti.
Ġew preżentati wkoll bosta trofej lir-rebbieħa ta' bosta kategoriji differenti, fosthom dawk għat-trobbijja tal-annimali u t-tkabbir ta' prodotti agrikoli kif ukoll lis-sewwieqa taż-żwiemel li rebħu t-tiġrijiet tradizzjonali li jsiru kull sena fil-festa tal-Imnarja.
Din it-tradizzjoni tmur lura għal-żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann, fejn kull sena l-Gran Mastru kien jattendu għal festi tal-Immnarja fil-Buskett u kien jippreżenta palju tal-qasab lir-rebbieħa tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Fil-fatt din il-festa saret parti mill-kalendarju kulturali u reliġjuż tal-gżejjer Maltin, tant li nibtu bosta tradizzjonijiet, b'waħda minn dawn tkun li l-għarus jieħu lill-għarusa għall-festa tal-Imnarja qabel ma jiżżewgu.
|