7 ta' Mejju, 2012
18:34 CET |
Roberto Adinolfi, kap tal-kumpanija nukleari Taljana Ansaldo Nucleari, safa ferut hekk kif spiċċa taħt it-tir ta' persuna li kien għaddejja fuq mutur. L-inċident seħħ fil-belt ta' Genoa għal ħabta tat-8.30am, meta żewġ persuni mgħammda għaddew minn ħdejn Adinolfi, b'wieħed minnhom jispara tliet tiri lejn ir-raġel. Għalkemm Adinolfi ntlaqat biss f'saqajh u ma jinsabx f'kundizzjoni serja, huwa maħsub li diversi anarkisti kienu l-moħħ wara dan kollu. Filfatt, il-Pulizija ta' dan il-port Taljan ilha tinvestiga l-azzjonijiet ta' diversi gruppi anarkisti, taħt suspett li jibdew jagħmlu użu mill-armi biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.
Il-kumpanija Ansaldo Nucleare tifforma parti mill-kumpanija ta' difiża Finmeccanica. Fil-kummenti tiegħu b'rabta ma' dan l-inċident, il-kap ta' Finmeccanica, Alessandro Pansa, esprima t-tħassib tiegħu dwar dan l-attakk. Hu qal li jekk dan l-inċident inħoloq minħabba disgwid politiku jew soċjali, dan il-każ jieħu xejra ħafna iktar serja u jkun qed jirrifletti s-sitwazzjoni diffiċli li s-settur industrijali għaddej minnu f'dan il-post.
Ritratt: Roberto Adinolfi
|