23 t' April, 2012
10:50 CET |
Din il-ġimgħa żgur tinsab għal qalb dawk kollha li jħobbu jaraw il-logħob tan-nar. Dan hekk kif, għal ewwel darba f'Malta, tnieda uffiċjalment is-Simpożju Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, avveniment internazzjonali li jsir kull sentejn u li jlaqqa' l-aqwa kumpaniji pirotekniċi minn madwar id-dinja.
Is-simpożju beda f'Montreal il-Kanada, fl-1992 u din it-13-il edizzjoni tiegħu qed tara l-parteċipazzjoni ta' 37 pajjiż minn madwar id-dinja kollha, inkluż l-Italja, il-Ġermanja, Spanja, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u ovvjament Malta fost bosta oħrajn. F'dan l-avveniment internazzjonali, il-kumpaniji se jkollhom iċ-ċans jieħdu sehem f'diskussjonijiet fuq ix-xjenza tal-piroteknika. Dan minbarra li se jesebixxu wkoll ix-xogħol tagħhom f'diversi fieri li se jitellgħu apposta għal dan l-avveniment, liema spettakli huma mifruxa madwar Malta u Għawdex, inkluż l-Imdina, il-Mellieħa u Buġibba.
F'għeluq il-ġimgħa mbagħad, se jkun hemm spettaklu pirotekniku fil-Port il-Kbir, nhar il-Ġimgħa fl-22:00, segwit minn spettaklu ieħor fl-Għarb, Għawdex, nhar is-Sibt 28 t'April, il-jum li fih dan is-simpożju jasal fi tmiemu.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ta' dan is-simpożju kien hemm il-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, Mario de Marco.
Iżda tmiem dan is-simpożju ma jfissirx tmiem l-ispettakli tal-logħob tan-nar, hekk kif l-għada li jintemm is-simpozju, nhar il-Ħadd 29 t'April, se jibda l-Festival Internazzjonali tal-Piroteknika, festival kompettitiv li jsir fil-Port il-Kbir u jibqa' għaddej sal-1 ta' Mejju, meta mbagħad titħabbar il-kamra tan-nar rebbieħa. Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-attivitajiet kollha, wieħed jista' jżur is-sit elettroniku, www.maltafireworksfestival.com.
|