10 ta' Mejju, 2012
20:30 CET |
Matul l-aħħar erba’snin, il-Gvern irnexxielu joħloq 20,000 post tax-xogħol ġdid u fl-istess perijodu kien hemm ukoll 20,000 student u studenta li ggradwaw mill-università u mill-MCAST. Dawn huma riżultat tal-politika li mexa biha l- Partit Nazzjonalistab’investiment fl-edukazzjoni, b’fiduċja fiż-żgħażagħ u bil-fiduċja tal-investituri li jemmnu fil-kapaċitajiet tal-poplu ta’ pajjiżna.
Dan qalu l-Prim Ministru u Kap tal- Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzui meta nhar il-Ħamis indirizza l-aħħar minn sensiela ta’ laqgħat mal-għeruq tal-PN marbutin mal-attivitajiet tal-Ewwel ta’ Mejju, Jum il-Ħaddiem.
Il-Prim Ministru qal li x-xogħol jibqa’ l-mutur ewlieni fil-politika tal-PN għaliex is-suċċess fix-xogħol ifisser tkabbir fl-ekonomija u żieda f’investiment f’oqsma oħra importanti bħall-edukazzjoni u s-saħħa.
Lawrence Gonzi qal li l-fatti juru li kif fl-aħħar erba’ snin inħolqu 20,000 impjieg ġdid, fl-istess perijodu kien hemm 11,800 student u studenta li ggradwaw mill-Università u 8,000 oħra mill-MCAST. Ħafna minn dawn l-istudenti jkollhom garanzija ta’ xogħol waqt li jkunu għadhom għaddejin bl-istudji u jingħataw inċentivi ħalli jiffirmaw kuntratti għal impjieg wara li jiggradwaw.
Lawrence Gonzi qal li rapport tal-UE juri li Malta tinsab fl-ewwel post fin-numru ta’ studenti li jsibu xogħol fl-ewwel tlitt snin wara li jiggradwaw. F’Malta 93 minn kull 100 jsibu xogħol fl-ewwel tlitt snin. It-tieni fil-lista hi l-Olanda bi 83 student minn kull 100 filwaqt li l-medja fl-UE hi ta’ 71 minn kull 100.
Il-Prim Ministru qal li investimenti oħra li qed isiru se jkunu qed joffru opportunitajiet ta’ xogħol lil studenti li għal xi raġuni ma jilħqux livelli għolja fl-istudji. L-investituri qed joffru wkoll taħriġ speċjalizzat għaliex jirrikonoxxu l-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-Kap Nazzjonalista qal li dan is-suċċess qed jinkiseb minkejja l-maltemp madwarna. Minkejja dawn ir-riżultati, l-Oppożizzjoni Laburista tibqa’ tipprova taqta’ qalb il-poplu u tpinġi lill-pajjiżna bħala fost l-agħar meta fil-fatt hu fost l-aħjar.
Il-Prim Ministru qal li anke istituzzjonijiet internazzjonali qed jirrikonoxxu l-kisbiet ta’ Malta u l-IMF sejħet is-suċċess ta’ pajjiżna bħala wieħed impressjonanti.
Lawrence Gonzi qal li fil-qasam tax-xogħol żdied in-numru ta’ anzjani li jibqgħu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-pensjoni kif ukoll in-numru ta’ nisa li daħlu mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol.
Fil-qasam tas-saħħa wkoll il-Gvern ma qgħadx jixxaħħaħ u wara investiment fi sptar ġdid issa se jagħti lill-poplu sptar ieħor għall-kura tal-kanċer
Lawrence Gonzi qal li pajjiżna jista’ jkompli sejjer f’din it-triq jekk joqgħod bil-għaqal, u jkun bil-għaqal jekk ma jismax minn dak li jgħidlu Joseph Muscat. Il-Gvern immexxi mill-PN se jkompli jisma’ lill-poplu u jagħmel it-tibdiliet fil-liġijiet fejn jinħass il-bżonn. Se jkompli joħloq il-ġid biex meta jasal il-mument, idur fuq il-poplu u jurih x’kien kapaċi jagħmel bil-fiduċja tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li jinsab ċert li meta l-poplu jiżen kollox jara min verament għandu qalbu l-interess tal-pajjiż u jerġa’ jikkonferma lill-PN fil-Gvern.
|