maltarightnow.com
5 t' Awwissu, 2012
17:39 CET |
Fl-Italja qed ikun imbassar li bejn illum u l-Erbgħa, parti kbira mill-pajjiż se jinħakem minn sħana kbira bit-temperatura tilħaq, jekk mhux taqbeż, l-40 grad Celsius.
L-aktar li se jintlaqat ħażin se jkun in-Nofsinhar tal-pajjiż fil-waqt li fit-Tramuntana tal-Italja, li xorta se jkun hemm sħana, qed ikun imbassar li jkun hemm il-maltemp.
Din se tkun il-ħames darba dan is-Sajf li l-Italja nħakmet minn mewġa ta' sħana. Ix-xahar ta' Lulju kien it-tielet wieħed l-aktar sħun mill-1979. S'issa dan is-Sajf it-temperatura kienet ta' 1.8 grad Celsius aktar mis-soltu filwaqt li fl-2003 kienet ta' 1.9 grad aktar u fl-2006 ta' żewġ gradi aktar mis-soltu.
Sadattant Lulju kien ukoll xahar fejn ftit li xejn għamlet xita, partikularment fit-Tramuntana tal-Italja u uffiċjali wissew li dan qed iqanqal tħassib għar-riservi tal-ilma peress li anki f'Ġunju ftit li xejn għamlet xita.
Dan is-Sajf jirriżulta li s'issa hu l-aktar wieħed niexef wara s-Sajf tal-2001. Sadattant żewġ nisa mietu wara minħabba valangi kkawżati mix-xita matul il-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd f'Valle Isarco f'Alto Adige.
Sadattant fl-istess reġjun kien hemm erba' persuni f'żewġ vetturi u persuna fuq mutur li spiċċaw imblukkati f'mina wara li l-ħruġ safa mblukkat minn valanga.
|