Rebecca BORG
6 t' Awwissu, 2012
18:25 CET |
Bi qbil unanimu bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, tliet ġimgħat ilu nfetħet parti mill-Bypass tal-Mellieħa minħabba li l-ammont kbir ta' karozzi li kienu qed jgħaddu minn Triq Ġorġ Borg Olivier kien qed iwassal għal konġestjoni fl-imsemmija triq. B'hekk, bil-ftuħ ta' parti mill-Bypass, reġgħat ingħalqet b'mod temporanju Triq Borg Olivier għal dawk li jkunu għaddejjin miċ-Ċirkewwa lejn il-Mellieħa. Il-ftuħ ta' din it-triq hu parti mill-proġett li qed isir mill-Gvern b'investiment ta' aktar minn €12-il miljun, li jinkludi binja mill-ġdid tal-Bypass li l-aħħar li saret kien fil-bidu tat-tmeninijiet.
Minkejja li reġgħat ingħalqet din l-istess triq ta' ftit żmien ilu, id-devjazzjoni hija waħda differenti. Is-Sindku tal-Mellieħa, Robert Cutajar qal li d-devjazzjoni preċedenti kienet tgħaddi fejn Popeye Village, waqt lid-devjazzjoni preżenti hija l-istess triq ta' qabel ma beda dan il-proġett, jiġifieri parti mill-Bypass. Is-Sindku qal ukoll li l-uniċi persuni li jistgħu jgħaddu miż-żona ta' wara l-lukanda ta' fejn ir-roundabout li mill-Għadira tagħti għall-Mellieħa, huma r-residenti taż-żona tal-Gerbulin.
Barra mill-qbil fuq din id-devjazzjoni, Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qablu ukoll li l-parkeġġ fi Triq Borg Olivier jonqos b'50% u l-ħin li wieħed jista' jħalli l-karozza pparkjata fiż-żona, minn siegħa naqset għal 45 minuta. Is-Sindku żied jgħid li l-parkeġġ ma setax jitneħħa kollu minħabba l-fatt li fi Triq Ġorġ Borg Olivier hemm żewġ spiżeriji li minnhom madwar 3,200 persuna mill-Mellieħa jiġbru l-mediċina tagħhom permezz tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
Sadattant, minkejja dawn l-arranġamenti, fi stqarrija, l-Kamra tan-Negozju f'Għawdex u l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f'Għawdxija esprimew diżappunt għall-għeluq ta' Triq Ġorġ Borg Olivier. Dawn sostnew li l-arranġamenti mmsemmija se jwasslu għal ripetizzjoni tal-konġestjoni li kien ikun hemm fil-passat fosthom bit-traffiku li jiġi minn Għawdex. Barra minn hekk, huma qalu ukoll li t-tul tal-vjaġġ għall-Għawdxin u t-turisti ħa jiżdied b'bejn 20 u 30 minuta. Dwar dan, is-Sindku tal-Mellieħa stqarr li jekk wieħed isegwi s-sinjali relatati mad-devjazzjoni, ma jesperjenzax dan id-dewmien.
Kemm il-Kamra tan-Negozju f'Għawdex u l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f'Għawdex ħeġġew lill-Awtoritajiet biex jintervjenu u jwaqqfu immedjatament l-arranġamenti tat-traffiku b'mod partikolari issa li ninsabu fl-eqqel tas-sajf.
|