maltarightnow.com
30 ta' Mejju, 2012
19:25 CET |
Il-MEUSAC flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, ippreżentaw ko-finanzjament ta' €100,000 lil ħames għaqdiet mhux governattivi.
Il-ħames NGO's li bbenefikaw minn finanzjament mill-Unjoni Ewropea huma l-SOS Malta, il-Maltese Italian Business Chamber, il-Mużew ta' Malta dwar l-Avjazzjoni, il-Fond Ulied Ħal Qormi, u l-COPIN. B'kollox bejniethom dawn l-għaqdiet se jkunu qed jaħdmu fuq disa' proġetti.
Għal preżentazzjoni ta' dawn l-għajnuniet finanzjarji kien hemm preżenti l-Ministru għal Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, fejn fid-diskors tiegħu tkellem dwar il-fatt kif f'dawn l-aħħar tliet snin kien hemm 36 għaqdiet mhux governattivi li bejniethom gawdew minn €14-il miljun.
Il-Ministru Chris Said qal li l-Gvern poġġa wkoll madwar €800,000 li €100,000 minnhom marru għal dawn il-ħames NGO's. Il-Ministru Said qal li l-fondi li qed jingħataw dawn l-għaqdiet se jmorru kollha għal proġetti siewja fosthom għal proġetti li jikontribwixxu għall-attività ekonomika.
Il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb, saħaq dwar il-fatt li l-preżentazzjoni ta' dawn l-għotjiet hi konferma ċara minn naħa tal-Gvern dwar il-ħidma tiegħu sabiex isaħħaħ l-NGO's u s-soċjetà ċivili.
|