6 ta' Mejju, 2012
12:13 CET |
Il-Gvern jibqa’ ffukat fuq l-essenzjali – il-ħolqien tax-xogħol. L-Oppożizzjoni mhedija biss fil-mozzjonijiet tal-Parlament.
Hija din id-dikjarazzjoni li għamel il-PM u Kap tal- Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi f’laqgħa tad-djalogu taħt it-tinda il-Ħadd bit-tema “PN Xogħol għalik u għal uliedek” - laqgħa li saret fil-pjazza tas-Saqqajja ir-Rabat
Fil-laqgħa ta' djalogu Lawrence Gonzi semma ir-riżultati li kiseb il-Gvern fil-qasam tax-xogħol - il-ħolqien ta’ 20,000 impjieg f’dawn l-aħħar 4 snin, u ċ-ċertifikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol li f’rapport li kien ippubblikat fl-aħħar jiem qalet li Malta kienet wieħed minn ħames pajjiżi biss li jrnexxielu jżid il-postijiet tax-xogħol bejn l-2007 u s-sena li għaddiet.
Il-Prim Ministru staqsa għaliex hu l- Partit Nazzjonalista biss li tkellem fuq ix-xogħol fl-ewwel ta’ Mejju – ġurnata li fakkret ukoll it-tmien anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li fetħet il-bibien beraħ għal opportunitajiet liż-żagħżagħ u l-ħaddiema.
Waqt il-laqgħa ta’ djalogu, li l-moderatur tagħha kien il-ġurnalist Norman Vella, Lawrence Gonzi qal li r-rekord tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern fix-xogħol u l-edukazzjoni jitkellem waħdu u bid-differenza ta’ Muscat, m’għandux għalfejn jagħti garanziji f’dawn l-oqsma.
Dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-Gvern jibqa’ jħeġġeġ lill-istudenti żagħżagħ biex ikomplu bl-istudji tagħhom u qed jinvesti b’mod qawwi fl-edukazzjoni biex huma jirnexxu. Tenna li filwaqt li għad fadal xi jsir, in-numru ta’ studenti li qed ikomplu l-istudji tagħhom wara l-iskola obbligatorja tela’ minn 43 fil-mija għal 73 fil-mija bil-mira tkun li jinqabeż it-80 fil-mija. Dan bid-differenza tal-Partit Laburista li meta kien fil-Gvern għalaq il-bibien tal-Universita’ f’wiċċ l-istudenti u l-istess nies li ħadu dawk id-deċiżjonijiet ħżiena dak iż-żmien, illum għadhom hemm.
Lawrence Gonzi temm id-djalogu b’messaġġ ta’ kuraġġ għaliex il-poplu u l-pajjiż Malti għandhom l-enerġija u d-determinazzjoni biex jingħelbu l-isfidi ta’ madwarna. Hu rringrazzja lill-ħaddiema kollha u lill-familji għaliex hu grazzi għall-fiduċja u l-bżulija tagħhom li l-pajjiż qed ikompli jirnexxi.
Ritratt: Michael ELLUL
|