Ray ABDILLA
11 ta' Mejju, 2012
18:36 CET |
L-għarus ta’ tfajla li allegatament kienet ittantata minn Libjan li kien mixli fil-Qorti li offenda l-pudur tagħha, kien mixli li biex ipattiehilu tajjar lill-istess Libjan b’karozza. Christopher Borg, li huwa lukandier kien mixli ukoll li bil-Jaguar tiegħu, bi żball laqat negozjant Libjan li kien għall-affari tiegħu u ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ. Minn dak li ħareġ quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale Borg, l-akkużat, li għandu 39 sena u li huwa minn San Pawl il-Baħar, kien mixli li kmieni nhar il-Ħamis li għadda tajjar lil Mohamed Alwaer, li huwa residenti f’Tas-Sliema, li kien mixli min-naħa tiegħu li offenda l-pudur b’mod vjolenti ta’ Luciana Dowling.
Salem, li deher izzappap u li kellu apparat għas-“sapport” ta’ siequ l-leminija qal li fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu hu kien waħdu Paceville. Qal li tant kien fis-sakra li raqad ma’ ħajt. F’ħin minnhom, Alwaer qajjmu u offrielu l-għajnuna biex iwasslu d-dar. Salem aċċetta l-offerta u Alwaer għenu biex iqum fuq saqajh ħalli jibda jimxi . F’daqqa waħda huwa ħass xi ħadd jolqtu minn wara u ntilef mill-ewwel minn sensih.
Huwa qam l-għada u sab ruħu l-isptar. Filwaqt li Borg kien mixli b’attentat ta’ feriti gravi fil-konfront tal-Libjani Alwaer u Salem, u li kkaġunalhom ukoll feriti ħfief, u li saq b’mod traskurat, kien mixli wkoll li naqas li jagħti nformazzjoni u jikkopera mal-Pulizija. Sadanittant Alwaer wieġeb mhux ħati li ttanta sesswalment u offenda l-pudur ta’ Luciana Dowling.
L-Avukat Giannella De Marco li qed tidher għal Borg qalet li l-klijent tagħha għandu kondotta nadifa. Huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000. L-Avukat Shazoo Ghaznavi li deher għal Alwaer qal li l-klijent tiegħu ġie Malta biex jitgħallem l-Ingliż u bħalissa qed jilgħab il-football fit-Tieni Diviżjoni ma’ Żebbuġ Rangers. Huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ €15,000. Il-każ ikompli.
|